X’hemm fil-messaġġi fuq WhatsApp bejn Muscat, Schembri u Fenech?

Read in English.

Il-kontenut ta’ grupp fuq WhatsApp bejn l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Chief of Staff Keith Schembri u Yorgen Fenech li huwa akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia x’aktarx li jkun mikxuf dan ix-xahar jew fil-bidu ta’ Ottubru meta uffiċjali tal-Europol jixhdu fil-qorti dwar il-minjiera ta’ informazzjoni li hemm fuq il-mowbajl ta’ Yorgen Fenech.

L-eżistenza ta’ dan il-grupp fuq WhatsApp kienet ikkonfermata fil-qorti waqt li kien qed jixhed l-Ispettur Kurt Zahra waqt il-kumpilazzjoni tal-istess Fenech, meta hu kien qed iwieġeb fil-kontro-eżami li sarlu mill-Avukat Jason Azzopardi dwar l-interrogazzjoni li għamel lil Fenech f’Novembru.

L-investigatur ma tax informazzjoni dwar il-kontenut tal-messaġġi fil-grupp u lanqas kien mistoqsi dwar dan mill-avukati tad-Difiża jew tal-familja.

Newsbook.com.mt huwa infurmat illi Muscat kien mistoqsi dwar dan il-grupp meta ġie interrogat mill-Pulizija dan l-aħħar. Meta ħareġ mill-Kwartieri tal-Pulizija Muscat kien qal li l-interrogazzjoni kienet prinċiparjament dwar affarijiet li diġà kienu pubbliċi u li dwarhom kien diġà wieġeb fil-midja lokali. Huwa qal ukoll illi ma kienx fil-libertà li jitkellem dwar il-kontenut l-ieħor tal-investigazzjonijiet.

Skont is-sorsi li tkelmu ma’ Newsbook.com.mt, minkejja li l-grupp ma nbediex biex issir diskussjoni dwar Daphne Caruana Galizia imma xorta waħda l-kontenut tal-messaġġi kien interessanti għall-Pulizija, għax x’aktarx juri li kien hemm ħbiberija bejn Muscat, Schembri u Fenech. Fil-fatt, fil-Qorti ħareġ li Fenecb qal li huma t-tlieta kienu qishom “aħwa.” 

L-uffiċjali ta’ Europol mistennija li jixhdu wkoll dwar diversi chats ma’ nies oħra, uħud membri tal-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela. Meta ħarġet din l-informazzjoni, il-Prim Ministru kien qal li huwa ma kellux problema jekk hemm dawn ic-chats ma’ Fenech, anke jekk kienu ta’ natura intima u anke jekk saru wara li kien ħareġ li Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black. Huwa kien qal li l-aqwa li ma kinux wara li ħareġ li Fenech suspettat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Madankollu, waqt intervista li saritlu llum, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jekk jasal il-waqt li jieħu azzjoni deċiżiva fuq Muscat fuq livell politiku, bħala Membru Parlamentari, huwa mhux se jħares lejn uċuħ. Assigura mill-ġdid li Muscat qatt ma kien konsulent tiegħu.

Sadanittant il-ġurnal ILLUM, illum żvela li f’Ottubru se jintwerew eluf ta’ chats mill-WhatsApp ta’ Yorgen Fenech fil-qorti: uħud minnhom ma’ membri fil-Kabinett ta’ Abela, iżda oħrajn ma’ nies qrib il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, fosthom ma’ Pierre Portelli li sa ftit ilu kien inkarigat mill-midja Nazzjonalista. Il-ġurnal qal li l-messaġġi li mistennija jiġu esebiti saru bejn Jannar u Settembru tas-sena 2019, meta kien diġà ġie żvelat li Yorgen Fenech hu sid il-kumpanija 17 Black.