X’hemm fil-futur għal Chris Cardona?

Read in English.

Chris Cardona, li taħt l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat kien qed iservi bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Ekonomija baqa’ bla portafoll wara t-tibdil fil-Kabinett li għamel il-Prim Ministru Robert Abela.

Mitlub jikkonferma jekk hux bi ħsiebu jieqaf mix-xena politika, Cardona qal ma’ Newsbook.com.mt li m’hemm l-ebda pjan li jagħmel dan. Hu spjega li bi ħsiebu jibqa’ fl-irwol ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u li se jkun qed jaħdem fuq il-kampanja għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Mistoqsi jikkonferma jekk hux se jkun qed jidħol fil-qasam tal-farmaċewtika, Cardona spjega li bħalissa għandu diversi opportunitajiet ta’ xogħol fil-privat u mhu qed jeskludi l-ebda waħda minnhom.

Rigward post fuq il-media soċjali li tella’ mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat fejn semma l-kliem “bidu ġdid” ma’ Joseph Muscat, Cardona qal li dak li fisser hemm kien li issa kemm hu u kemm Muscat se jkollhom ħajja ġdida. Spjega li hu u Muscat ilhom jaħdmu flimkien fil-Partit Laburista kważi mill-1992.

Ilbieraħ ġie żvelat il-kontenut tal-ittra li allegatament kellha tgħin lin-negozjant Yorgen Fenech iwaħħal fi Chris Cardona, biex Cardona, dakinhar Ministru, jinstab ħati li ordna l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fis-26 ta’ Novembru li għadda, Chris Cardona ssospenda lilu nnifsu minn Ministru wara laqgħa tal-Kabinett f’Kastilja.  Huwa ssospenda lilu nnifsu wkoll mill-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.

Dan wara li fit-23 ta’ Novembru, Newsbook.com.mt żvela li Cardona ġie interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fost l-oħrajn dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Sorsi infurmati kienu qalu ma’ Newsbook.com.mt li meta bagħtu għalih il-Pulizija, Chris Cardona kien cautioned, jiġiferi mwissi li kulma jgħid jista’ jintuża kontra tiegħu.

L-investigazzjoni ffukat ukoll fuq dak li żvelat Caruana Galizia dwar il-preżenza tal-Ministru Cardona fil-każ tal-Burdell Acapulco fil-Ġermanja, meta suppost kien waqt xogħol.

Fl-1 ta’ Diċembru, il-Partit Laburista ħabbar fi stqarrija li Chris Cardona kien qed jirritorna bħala Ministru u Deputat Mexxej.