X’ħallew warajhom l-ISIS?

Wirja ta’ oġġetti reliġjużi li tkissru jew inħarqu fi knejjes ipprofanati fl-Iraq tinsab esibita fil-Kurja tal-Arċisqof.
Dawn l-oġġetti sfaw vittma tal-attakki mit-terroristi tal-Istat Iżlamiku (ISIS).
Fost l-oġġetti, wieħed se jkun jista’ jara statwi mkissra, sfreġju fir-relikwarju u kalċi mtaqqab bil-balal.
L-oġġetti nstabu fi knejjes f’Teleskuf u Qaraqosh u bħalissa qed iżuru l-24 pajjiż fejn hemm l-uffiċċji tal-Aid to the Church in Need.
Din il-wirja qed tittella’ sabiex titqajjem kuxjenza akbar fuq il-ħidma ta’ din l-organizzazzjoni, kif ukoll fuq l-insara li qed jiġu ppersegwitati fil-Lvant Nofsani.
Jekk trid tattendi din il-wirja, tista’ tagħmel dan għada mid-9am san-12:30pm.
Sadanittant, illejla l-Arċisqof se jkun qed imexxi Servizz Ekumeniku fil-Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Marija fl-Isla fis-6.30pm. Dan bħala parti mill-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara.