X’għandu x’jaqsam Egrant? – Gomes lil Engerer

L-Ewroparlamentari Soċjalista Ana Gomes qed tistaqsi lill-eks rappreżentant tal-Prim Ministru fi Brussell Cyrus Engerer dwar x’għandha x’taqsam il-kumpanija Egrant mal-estradizzjoni tal-Whistleblower Russa Maria Efimova.

Din il-ġimgħa Engerer kiteb lil 36 MEP biex jirtiraw it-talba tagħhom lill-awtoritajiet Griegi biex il-Whistleblower Maria Efimova ma tiġix estradita lejn Malta mill-Greċja. 

F’imejl li ra Newsbook.com.mt, Gomes spjegat għalfejn Efimova kienet ingħatat il-protezzjoni mill-Greċja, jiġifieri li f’każ indipendentament minn dak ta’ Egrant. Qaltlu wkoll għaliex hi flimkien mal-MEPs l-oħra talbu biex Efimova tkun protetta u semmietlu kif Efimova kienet impjegata tal-Bank Pilatus, bank li fih kienu qed jinħaslu l-flus u li s-sid tiegħu ġie arrestat fl-Istati Uniti.  Hi ddeskriviet il-Bank Pilatus bħala organizazzjoni kriminali.

Efimova kienet qed tiġi akkużata b’miżappropjazzjoni ta’ fondi. Il-Maġistrat Joe Mifsud kien ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meta din ma baqgħetx Malta għax bdiet tibża’ li taf tisfa vittma. Hi tat ruħha lill-Pulizija Griega dakinhar li sid il-bank, Ali Sadr Hasheminejad ġie arrestat dwar ksur ta’ sanzjonjiet kontra l-Iran u fejn qed jaffaċċja 125 sena ħabs f’każ li jinstab ħati. Il-Qorti Griega kienet iddeċidiet li Efimova ma għandiex tiġi estradita lejn Malta, u dan kien ikkonfermat mill-Qorti Suprema Griega meta s-sentenza kienet appellata.

L-Ewroparlamentari ma għandhom l-ebda ġurisdizzjoni jew poter biex Efimova tintbagħat lura Malta. Fost is-36 Ewroparlamentari li ffirmaw l-appell kien hemm l-MEPs Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech.