X’għandhom The New Choral Singers għall-Milied?

Għal darb’oħra l-kunċert annwali tal-kor The New Choral Singers se jittella’ fuq żewġ serati – nhar it-Tlieta 18 ta’ Diċembru, fil-Pro Katidral Anglikan ta’ San Pawl fil-Belt Valletta u l-Ġimgħa 21 ta’ Diċembru fil-Knisja tal-Ġiżwiti Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta.

Għal dan il-kunċert, il-kor se jkanta taħt it-tmexxija tas-Surmast Mauro Farrugia filwaqt li se jkun akkumpanjat fuq l-orgni mis-surmast u organista magħruf internazzjonali Wayne Marshall. Marshall li huwa organista u surmast tal-BBC Proms huwa wkoll is-surmast ewlieni ta’ WDR Funkhausorchester Cologne u organista fi Bridgewater Hall f’Manchester.

Taħt it-tmexxija mużikali ta’ Mauro Farrugia, il-kor ipprepara repertorju b’għażla varjata ta’ Għanjiet tal-Milied għall-gosti ta’ kulħadd, fosthom: ‘O Lejl ta’ Skiet’ u  ‘Ding! Dong! Merrily on High’ kif ukoll għanjiet oħra miktuba minn kompożituri kontemporanji kif ukoll siltiet klassiċi ta’ żminijiet oħrajn fosthom mis-Seklu 16.

Matul iż-żewġ serati, il-kor The New Choral Singers se jkun qed jistieden lill-udjenza biex tingħaqad fl-atmosfera ta’ kant sabiex flimkien mad-daqq impekkabbli tal-orgni ta’ Wayne Marshall, il-kunċert ikun lejl ta’ ferħ għal kulħadd.

Filwaqt li d-dħul għall-kunċerti huwa b’xejn, fi tmiem il-programm se ssir ġabra ta’ flus.

Iż-żewġ serati jibdew fis-7.30pm iżda l-pubbliku għandu jkun hemm minn qabel biex jassigura post.

Aktar informazzjoni tinstab fuq il-websajt tal-kor www.thenewchoralsingers.com.