X’għandha tkun taf omm li bdiet tredda’?

Għall-okkażjoni tal-Breastfeeding Week, fil-programm Ta’ Kulħadd fuq RTK 103FM ma’ Christine Delicata l-qabla Louise Bugeja tkellmet dwar il-bżonn ta' aktar għarfien dwar dan is-suġġett fost ommijiet ġodda.
Il-midwife bdiet billi tgħid li t-treddigħ huwa l-mod kif in-natura tassigura li t-trabi jkollhom n-nutrijenti u l-protezzjoni kollha meħtieġa b’ħalib magħmul perfettament għat-tarbija. 
Huwa propju għalhekk li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (il-WHO) tissuġġerixxi li idealment l-omm tibqa’ tredda' lit-tarbija tagħha sa’ sentejn u anke aktar. 
Il-qabla fakkret li l-ħalib tal-formula huwa mmodifikat biex jixbaħ kemm jista’ jkun l-ħalib tal-bniedem. Id-differenza prinċipali hi li filwaqt li l-ħalib tal-formula huwa statiku, ma jinbidilx, il-ħalib tal-omm jinbidel skont saħħitha, skont x’kielet u skont kemm reddgħet lit-tarbija f’dak il-mument partikolari.
Min-naħa l-oħra l-qabla qalet li t-treddiegħ għandu jkun esperjenza sabiħa u l-ebda omm m’għandha tkun sfurzata. Biex tredda', l-omm irid ikollha kemm ir-rieda kif ukoll l-appoġġ tal-familjari.
Fuq kollox “l-ommijiet li ma jkomplux ireddgħu t-trabi tagħhom, jew li ma rnexxilhomx ireddgħu, għandna bżonn nibqgħu nappoġġjawhom u nifhmu li mhux faċli għall-omm meta ma jirnexxiliex tagħmel dan”, żiedet tgħid. 
Qalet ukoll li huwa normali li t-tfal ikunu jridu l-ħalib tal-omm anke wara li jikbru u jitilqu jimxu. Iżda wieħed għandu jitkellem mat-tabib jekk it-tarbija ma tkun trid xejn aktar ħlief il-ħalib tal-omm u mhux l-ikel wara li jagħlaq is-sitt xhur u aktar.
F’dan iż-żmien it-trabi jkunu bdew jitgħallmu jibilgħu, jaqbdu l-ikel b’idejhom, ipoġġu aktar dritti eċċ. Dan kollu huwa parti mill-iżvilupp tat-tarbija li jwassluha biex tibda tiekol l-ikel weħidha.
Louise Bugeja tkellmet ukoll dwar l-importanza li nħallu lit-trabi jmexxuna huma fejn jidħol l-introduzzjoni tal-ikel. Filwaqt li wieħed żgur m’għandux jibda jintroduċi l-ikel qabel erba’ xhur, hija qalet li normalment it-trabi jkunu żviluppaw u lesti għall-ikel ta’ madwar sitt xhur. Jiġifieri sa sitt xhur, it-tarbija tista’ tagħtiha l-ħalib biss jekk din tkun trid biss il-ħalib. 
Il-qabla rrakkomandat li wieħed iħalli mill-inqas jumejn meta jippruvalha ikel differenti. Pereżempju, tagħmel l-ewwel jumejn titmagħha l-ħaxix imbagħad jumejn wara tintroduċi l-frott. Dan sabiex jekk it-tarbija jkollha reazzjoni għal xi tip ta’ ikel nindunaw mill-ewwel.
Tista’ tisma l-programm Ta’ Kulħadd ta’ nhar it-Tlieta hawn