X’għandek tkun taf dwar kif se jsiru l-preċett u l-griżma?

L-ewwel Tqarbina

L-Arċidjoċesi ta’ Malta ħejjiet linji gwida għall-prevenzjoni ta’ tixrid tal-imxija tal-coronavirus waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof.

Mis-27 ta’ Ġunju tal-2020, se jkunu qed jidħlu fis-seħħ il-miżuri mħejjija mill-Awtoritajiet tal-Knisja u se jibqgħu fis-seħħ sakemm l-istess awtoritajiet jispeċifikaw mod ieħor. Huma qed jenfasizzaw b’mod partikolari ż-żamma tad-distanza ta’ sigurtà, li hija dik ta’ żewġ metri, iżda li ma tgħoddx għall-persuni li jgħixu fl-istess dar.

Il-linjigwida jgħidu kif filwaqt li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għandhom isiru bid-devozzjoni meħtieġa imma mhux b’tul żejjed. Hekk kif f’Settembru jaf ikun hemm bżonn li jidħlu fis-seħħ ċertu restrizzjonijiet minħabba l-pandemija, l-Arċisqof xtaq li din is-sena, kemm l-Ewwel Tqarbina, kif ukoll il-Griżma tal-Isqof, ikunu ċċelebrati fix-xhur tas-sajf. Il-Kurja spjegat li tkun xi ħaġa sabiħa li l-parroċċi jsibu mod kreattiv kif jistgħu jagħmlu l-aħħar sessjonijiet ta’ katekeżi għas-sagrament, anke permezz ta’ riżorsi virtwali. Intant, dawk il-ġenituri li jħossu li wliedhom mhux preparati biex jirċievu s-sagrament din is-sena, jistgħu jagħżlu li wliedhom jirċievu s-sagrament is-sena d-dieħla.

Rigward l-ilbies, l-Arċidjoċesi ssuġġeriet li dan għandu jkun “sempliċi u dinjituż”. Qal li dan mhux bilfors għandu jkun ilbies li tradizzjonalment jintuża f’dawn is-sagramenti. Ġenituri, aħwa u parrini li se jkunu bilqgħieda fil-cluster seats tal-kandidat m’hemmx bżonn ikunu lebsin visor jew maskra. Intant, fil-post taċ-ċelebrazzjoni m’għandhomx jitneħħew il-maskri u l-visors ħlief għall-ħin tar-ritratti wara ċ-ċelebrazzjoni.

Intant, il-postijiet fil-knisja għandhom jitqassmu skont il-kriterji stipulati għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa u li jkunu fis-seħħ f’dak il-punt. Intqal li jekk ikun hemm nuqqas ta’ maskri, id-distanza bejn cluster u ieħor għandha tiżdied.

Il-kandidati għall-Ewwel Tqarbina għandhom joqogħdu fi cluster seats riservati għalihom flimkien mal-ġenituri tagħhom u ħuthom. Jekk iċ-ċirkustanzi tal-familja ma tippermettix dan, il-każ jista’ jiġi diskuss individwalment. Intant fil-każ tal-Griżma, il-kandidat għandu joqgħod fi cluster seat flimkien mal-parrinu. Il-ġenituri għandu jkollhom arranġament ieħor fejn joqogħdu skont id-drawwa tal-post u l-bżonnijiet partikolari taċ-ċelebrazzjoni.

Mhux permess li persuni joħorġu minn posthom, speċjalment biex jieħdu ritratti jew filmati.

Dettalji importanti dwar il-Griżma tal-Isqof

  • Biex jiġi amministrat is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof, għandu jitħejja numru ta’ tajjar biżżejjed, biż-żejt tal-Ġriżma. Iċ-ċelebrant ma jmissx moħħ il-kandidat b’subgħajh, imma permezz ta’ tajjara. Għandha tintuża tajjara għal kull persuna. Wara l-quddiesa, dan it-tajjar għandu jinħaraq u m’għandux jittieħed mill-kandidati jew minn membri oħra tal-kongregazzjoni.
  • L-għotja tal-paċi waqt ir-rit tal-Griżma għandha tingħata billi jsir id-djalogu, mingħajr ma wieħed jieħu b’idejn xulxin.
  • Qabel jibda r-rit tad-dilka taż-żejt u malli jispiċċa, iċ-ċelebrant għandu jaħsel idejh bis-sanitiser. Għandu wkoll jaħsel idu bis-sanitiser kemm-il darba, inċidentalment, imiss lill-kandidat jew persuni oħra waqt ir-rit tad-dilka.
  • Il-parrini jistgħu jpoġġu idhom fuq l-ispalla tal-kandidati meta r-rit jitlob hekk.
  • Is-saċerdot ma għandux ikollu kuntatt fiżiku mal-kandidati jew mal-parrini waqt l-ebda mument taċ-ċelebrazzjoni.
  • Waqt dan ir-rit, għandu jkun hemm l-inqas ammont ta’ nies possibbli ħdejn iċ-ċelebrant. Dawn ma għandhomx għalfejn ikunu liebsa maskra jew visor.
  • Għandu jkun hemm marki biex jindikaw fejn il-kandidat u l-parrinu/a għandhom jieqfu waqt li qegħdin jistennew biex jirċievu dan is-Sagrament. F’dan il-mument għandha tiġi rispettata d-distanza tas-sigurtà.

Dettalji important dwar it-tqarbin:

  • It-tqarbin għandu jsir fil-post biex tiġi evitata l-purċissjoni tat-tqarbin skont id-direttivi mogħtija rigward iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.
  • Fil-każ tal-Ewwel Tqarbina, is-saċerdot iqarben lill-kandidati biss. Wara, saċerdot ieħor jew ministru tat-tqarbin iqarben lill-kumplament tal-familja u persuni oħra preżenti. Is-saċerdot li jkun qed iqarben lil dawn il-kandidati ma għandux għalfejn ikun liebes visor/maskra waqt li jkun qed iqarben lilhom. Wara li jlesti jqarben lill-kandidati, is-saċerdot jista’ jkompli jqarben membri oħra tal-kongregazzjoni.
  • Fil-każ tal-Ġriżma tal-Isqof, is-saċerdot iqarben kemm lill-kandidati kif ukoll lill-parrini. Is-saċerdot li jkun qed iqarben lil dawk li jkunu għamlu l-griżma u l-parrini, ma għandux għalfejn ikun liebes visor/maskra waqt li jkun qed  iqarbinhom. Wara li jlesti jqarben lill-kandidati, is-saċerdot jista’ jkompli jqarben membri oħra tal-kongregazzjoni.

Fejn jidħlu t-tifkiriet li s-soltu l-familji jgħożżu mill-mumenti tal-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof, l-Arċidjoċesi spjegat li hu permess li jkun hemm fotografi u vidjografi li jagħtu s-servizz tagħhom. Qalet li dawn għandhom ikunu dawk uffiċjali tal-parroċċa mqabbda għal din l-okkażjoni. Huma jridu jżommu d-distanza ta’ sigurtà mitluba.

Intant, għandhom ikunu evitati ritratti tal-grupp tat-tfal. Minkejja dan, il-ġenituri jistgħu jiddeċiedu li t-tfal jieħdu ritratti ma’ min jixtiequ huma, mingħajr il-ħtieġa li tinżamm id-distanza soċjali għal dak il-mument.

Fejn jidħlu ċertifikati, l-Arċidjoċesi ssuġġeriet li dan għandu jsir aktar ‘il quddiem u mhux waqt iċ-ċelebrazzjonijiet.