X’għandek tiekol u tixrob qabel u wara l-eżerċizzju

Studju ġdid ippublikat min Nutrition Society fir-Renju Unit jiżvela li dieta tajba u eżerċizzju flimkien huma aħjar għall-persuna milli kieku tiekol tajjeb biss mingħajr ma tagħmel l-eżerċizzju jew inkella tmur il-gym biss mingħajr ma tibdel id-dieta.

L-esperti jaqblu li l-aħjar ikel għall-ġisem bin-nutrijenti li għandu bżonn jagħti iktar enerġija u saħħa biex persuna tagħmel eżerċizzju aħjar, u tirkupra aktar malajr mill-uġigħ fil-muskoli. Jgħidu wkoll li l-karboidtrati m’humiex l-għadu imma jgħinu lil persuna tirkupra mill-eżerċizzji. Xi pariri tal-esperti jinkludu dawn:

–      Ikla tajba sa tliet siegħat qabel: Kul ikla bejn sagħtejn u tliet siegħat qabel tagħmel l-eżerċizzju. Sa massimu ta’ nofs siegħa qabel tista’ tieħu xi ħaġa żgħira. Għażel ikel li faċli tiddiġerih. Il-karobidrati jimmassimizzaw iz-zokkor fil-ġisem meħtieġ għal eżerċizzju intensiv, filwaqt li x-xaħam jagħti fjuwil lill-ġisem għal eżerċizzju inqas fit-tul u inqas intensiv. Il-proteini jgħinu lill-ġisem jirkupra iktar malajr. Eżempju, tista’ tieħu bajda fuq il-ħobż u ftit avocado madwar sagħtejn jew tlieta qabel l-eżerċizzju. Jekk għandek inqas minn siegħa qabel l-eżerċizzju, l-aħjar tieħu yoghurt ma’ ftit frott.

–      L-ikla ewlenija sa siegħa wara: Wara l-eżerċizzju, tgħin lill-ġisem jirkupra billi tiekol xi karobidrati u proteini. L-esperti jissuġġerixxu li min jagħmel l-eżerċizzju jieħu l-ikla ewlenija sa siegħa wara.

–      Evita l-protein bars: Ħafna protein bars fis-suq m’humiex tajbin għas-saħħa daqs kemm jaħsbu ħafna. Huma għoljin fil-proteina, iżda huma wkoll mimlija zokkor u affarijiet oħra li l-ġisem m’għandux bżonn.

–      Ixrob l-ilma, mhux xarbiet biz-zokkor: Kulħadd jaf bl-importanza li tixrob spiss u dan jgħin ukoll biex l-eżerċizzju jkun iktar effettiv. Ix-xarbiet sportivi fihom ħafna zokkor miżjud u ingredjenti artifiċjali. L-esperti jirrakomandaw li persuna żżid niskata melħ mal-ilma biex tgħin sabiex il-ġisem ikollu biżżejjed likwidi li għandu bżonn.