X’għandek tagħmel meta l-iPhone jieħu xemxata…

Is-sajf magħna u t-temperatura bdiet tielgħa ġmielha. Mhuwiex biss ġisimna li beda jieħu x-xemx u jagħli, imma anke l-mowbajls tagħna.

Jekk l-iPhone jisħon wisq, hemm ċans li jispiċċa kaputt.

Għalhekk, għandek tkun taf li l-iPhone jisħon:

  • Meta tħallih fil-karozza f’ġurnata sħuna
  • Meta tħallih fix-xemx għal ħin twil
  • Meta tuża ċerti faċiltajiet fis-sħana jew f’kuntatt dirett max-xemx għal ħin twil, pereżempju l-GPS fil-karozza, jew meta tilgħab logħba li tuża ħafna grafika

Skont il-kumpanija Apple, jekk tuża l-iPhone f’din il-kundizzjoni, tiddgħajjef il-batterija tal-mowbajl.

Jista’ wkoll jieqaf jiċċarġja, l-iskrin jiskura, ir-reception tiddgħajjef, il-flexx tal-kamera ma taħdimx, jew l-applikazzjonijiet li tkun qed tuża jibdew jaħdmu bil-mod.

Jekk is-sitwazzjoni tiggrava, titfaċċa din it-twissija u tkun tista’ tużah biss biex iċċempel f’każ ta’ emerġenza:

Imbagħad x’tagħmel?

  1. Itfi l-iPhone
  2. Ipprova ersaq għad-dell jekk tinsab barra

Imma tesaġerax billi tpoġġi l-iPhone jaħraq fil-friġġ…

Kieku t-temperatura tinżel f’daqqa, tiżdiedlu l-umdità, tibda kondensazzjoni fil-mowbajl stess, u jispiċċa biex jinkiser.

L-aħjar rimedju hu illi titfi l-mowbajl għal ftit.
Jonkella tista’ wkoll tneħħilu l-cover biex ikun jista’ jieħu ftit tan-nifs.

Il-kumpanija tal-iPhone tgħid li għandu jinżamm f’temperatura bejn -20ºC u 45ºC.