X’għandek tagħmel jekk ma rċivejtx il-vot?

Read in English.

Il-Kummissjoni Elettorali avżat lil dawk il-persuni li għadhom ma rċevewx id-dokumenti tal-votazzjoni jistgħu jmorru personalment fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokal tagħhom u magħhom jieħdu l-karta tal-identità jew il-karta tar-residenza biex jiġbru l-vot tagħhom.

Fi stqarrija l-Kummissjoni Elettorali spjegat li dawk kollha li isimhom jidher fir-Reġistru Elettorali ppublikat fit-13 ta’ April 2019 u li huma eleġibbli jistgħu jmorru fl-Għassa tal-lokal il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju mit-3pm sad-9.00pm, mis-Sibt 11 sal-Ġimgħa 17 ta’ Mejju bejn it-8.00am u s-1.00pm u bejn it-3.00pm u d-9.00pm, is-Sibt 18 ta’ Mejju bejn it-8.00am u l-10.00pm u l-Ħadd 19 ta’ Mejju bejn it-8.00am u s-1.00pm.

Il-Kummissjoni avżat ukoll li dawk li huma rreġistrati fuq il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar id-dokumenti għandhom jiġbruhom mill-Għassa tal-Qawra, filwaqt dawk li joqgħodu f’Marsaskala d-dokumenti jinġabru mill-iskola Primarja tal-Gvern, San Ġwakkin.

Dawk ir-reġistrati fil-lokalitajiet ta’ Bormla, il-Fontana, l-Għasri, l-Iklin, Ħal Lija, Marsaxlokk, Pembroke u Ta’ Xbiex, id-dokumenti jistgħu jiġbruhom mill-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali fl-istess ġranet u ħinijiet.