X’għandek tagħmel jekk għandek ħsibijiet ta’ suwiċidju?

Propju f’jum magħruf għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, il-Kummissjoni għas-Saħħa Mentali ħarġet stqarrija b’informazzjoni ta’ kif persuni li għandhom ħsibijiet ta’ suwiċidju jistgħu jkampaw ma’ dawn il-ħsibijiet. Il-Kummissjoni ħarset ukoll lejn dak li jista’ jagħmel xi ħadd li jkollu suspett li xi ħadd li jaf qiegħed f’riskju ta’ suwiċidju.

Għandek ħsibijiet ta’ suwiċidju?

  • Ipprova taħsibx fil-futur – iffoka fuq il-jum li għandek quddiemek u għamel pjan għalih.
  • Irreżisti milli tieħu droga jew tikkonsma l-alkoħol, speċjalment jekk tinsab waħdek.
  • Mur f’post sigur, bħal dar ta’ xi ħabib jew ħabiba, jew inkella għamel video call magħhom jekk ma tistax tmur.

X’għandek tagħmel jekk xi ħadd li taf jista’ jkun għandu ħsibijiet ta’ suwiċidju?

  • Jekk tinsab inkwetat li xi ħadd qed jaħseb li jagħmel suwiċidju, tista’ tistaqsihom b’mod dirett. Ir-riċerka turi li dan il-pass jgħin. Dan hekk kif dak li jkun jingħata l-opportunità li jitkellem dwar dak li qed iħoss u juri li huma mhux piż fuq ta’ madwarhom.
  • Meta xi ħadd jaqsam miegħek kif qed iħossu, importanti li inti tisma’. Dan jista’ jkun ifisser li ma toffrix pariri u ma tippruvax tidentifika ruħek ma’ dak li qed jgħaddu minnu bl-esperjenzi tiegħek. M’għandekx tipprova ssolvilhom il-problemi tagħhom.
  • Għandek tkun taf li għajnuna teżisti. Hawn diversi professjonisti li huma mħarrġa u lesti li japplikaw tikeninki li jwaqqfu l-ħsibijiet ta’ suwiċidju.

“Il-pandemija ġabet magħha ħafna ħsibijiet negattivi differenti”

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John Cachia għadda l-messaġġ tiegħu għal dan il-jum u spjega li l-esperjenza tal-pandemija ġabet magħha taħlita ta’ emozzjonijiet inkluż biża’, stress, dwejjaq, taqlib fl-emozzjonijiet u solitudni. Ħafna persuni rnexxielhom jgħelbu dawn il-ħsibijiet. Iżda persuni oħrajn jaf ma rnexxielhomx jagħmlu dan u b’hekk il-Kummissarju rrimarka li rridu noqgħodu attenti li nidentifikaw lil dawn il-persuni. Irrimarka li hawn bżonn investiment fis-sapport għas-saħħa mentali u servizzi ta’ prevenzjoni.

Dr Cachia insista li meta wieħed jibda jħares lejn is-suwiċidju bħala problema umana, jinfetħu l-bibien għal konverżazzjonijiet u t-trattament fis-soċjetà jkun normalizzat. Qal li ħsibijiet tat-tip jistgħu jaffettwaw lil kulħadd, irrelevanti mir-razza, etniċità, reliġjon, sfond soċjo-ekonomiku, ġeneru u età.

Spjega li f’Malta, 2-3 persuni jmutu kawża ta’ suwiċidju kull xahar. Qal li din l-informazzjoni fil-pajjiż ilha stabbli fil-pajjiż għal snin twal. Semma li mad-90% tal-imwiet mis-suwiċidju huma rġiel.

Irrimarka li madwar 75% tal-persuni li jkunu qed iħabbtu wiċċhom mas-suwiċidju jkunu tkellmu ma’ xi ħadd dwar dak li jkunu se jagħmlu u anke meta jkunu se jagħmluh. Qal li jkun hawn li l-prevenzjoni milli dan isir għandu jibda. Insista li jekk ħafna minn dawn il-persuni jagħtu xi tip ta’ indikazzjoni li se jkunu se jwettqu suwiċidju, mela rridu nibdew noqogħdu attenti għas-sinjali. Qal li messaġġi bħal “jiddispjaċik la ma nkunx hawn aktar” jew “ma nistax nara triq oħra” anke jekk f’forma ta’ ċajta, jistgħu jindikaw li dik il-persuna tkun qed taħseb li verament tasal għal suwiċidju.

Kompla jgħid li persuni li qed jesperjenzaw ħsibijiet ta’ suwiċidju ma jridux itemmu ħajjithom. Qal li anke dawk li għandhom dipressjoni severa għandhom tħassib dwar il-mewt. Ħsibijiet ta’ suwiċidju jistgħu jkunu relatati malli wieħed iwaqqaf l-uġigħ li jkun għaddej minnu f’dik il-perjodu ta’ ħajtu.