X’għandek tagħmel jekk fi kju jkun hemm persuna b’diżabilità?

Maltapost-queue
Miguela Xuereb

Jekk tkun qiegħed tistenna fi kju u persuna b’diżabilità li tkun ġiet warajk tkellem lil xi ħadd għall-għajnuna, ipprova ifhem is-sitwazzjoni qabel ma’ tattakka lil dak li jkun għax qed iqabbeż il-kju.

Newsbook.com.mt tkellem mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) dwar każi riċenti ta’ persuni li lmentaw magħhom għax l-entitajiet jew stabbilimenti li suppost jaċċettaw il-cards tagħhom ma aċċettawhomx. Persuni b’diżabilità f’Malta jista’ jkollhom żewġ cards, il-EU Disability Card u l-Blue Badge.

Il-kelliema spjegat li dan l-aħħar kien hemm żewġ każi tat-tip fir-rigward tal-Maltapost. Spjegat li l-Maltapost plc minħabba l-COVID-19 mhux qed tħalli l-kju jkun fuq ġewwa iżda ddaħħal in-nies bil-mod il-mod. Qalet li peress li ma kien hemm l-ebda tabella li tindika li persuni b’diżabilità jistgħu jidħlu ġewwa għall-assistenza. Meta dawn marru biex jidħlu ġewwa biex jistaqsu, in-nies li kienu qegħdin jistennew barra bdew jilmentaw li qed jaqbżu l-kju. Għalhekk rappreżentant mill-Kummissjoni ikkuntattja lill-Maltapost dwar dan. Spjegat li l-Maltapost infurmathom li s-soltu persuni b’diżabilità jidaħħlu ġewwa u jkunu offruti siġġu. Qalet imbagħad li wara xi erba’ jew ħamsa min-nies tinqed l-persuna b’diżabilità. Il-Kummissjoni ssuġġeriet li jkun hemm sinjali fuq barra li jindika li persuni b’diżabilità jistgħu jidħlu ġewwa biex jistaqsu għall-assistenza.

Il-kelliema għas-CRPD qalet li għalkemm l-entitajiet mhumiex obbligati jqabbżu l-persuni b’diżabilità fil-kju jekk dawn juru l-EU Disability Card, jistgħu joħolqu policies li jagħmlu dan, partikolarment entitajiet privati. L-importanti għall-Kummissjoni hija li persuni b’diżabilità jiġu trattati b’mod ugwali u b’dinjità.