X’għandek tagħmel biex tonqos l-ansjetà fit-tfal dwar ir-ritorn fil-klassijiet?

L-ansjetà hija xi ħaġa li jgħaddu minnha diversi persuni, kemm adulti u anke tfal. Il-psikologa klinika Danae Gingell, tkellmet dwar dan is-suġġet ma’ Newsbook.com.mt fejn fost l-oħrajn anke tat xi suġġerimenti ta’ x’għandhom jagħmlu l-ġenituri u l-adulti biex jgħinu lit-tfal jikkontrollaw l-ansjetà marbuta mar-ritorn fil-klassijiet.

Ideat prattiċi biex titnaqqas l-ansjetà fit-tfal qabel l-iskola skont Dr Gingell:

  • Tkellem mat-tfal dwar l-iskola u l-fatt li se jkunu qed imorru lura. Għati lit-tfal spazju fejn jitkellmu dwar dak li qed iħassibhom. Jaf ma jkollokx it-tweġibiet kollha, iżda tista’ tgħinhom billi forsi tikseb it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom.
  • Mur lura għar-rutini bażiċi fejn jidħol il-ħin tal-irqad, l-ikel, skeda tal-ġurnata u attivitajiet.
  • Laqqa’ lit-tfal ma’ xi ħbieb qabel ma jmorru lura l-iskola. Dan jista’ jsir permezz ta’ telefonati jew play dates. Il-fatt li t-tfal ikunu raw jew tkellmu u qattgħu ftit ħin ma’ xi ħbieb tagħhom jaf inaqqas l-istress qabel ma jirritornaw fil-klassi.
  • Ħares lejn in-naħa l-pożittiva tar-ritorn fl-iskola.
  • Malli jirritornaw l-iskola, ippermeti spazju fejn it-tfal jitkellmu dwar il-ġurnata tagħhom malli jiġu lura d-dar.

L-ansjetà fost l-aktar kundizzjonijiet komuni tas-saħħa mentali

Gingell spjegat ma’ Newsbook.com.mt kif l-ansjetà hija fost l-aktar kundizzjonijiet komuni tas-saħħa mentali kemm fl-adulti kif ukoll fit-tfal. L-ansjetà hija meta xi ħadd jinkwieta dwar xi ħaġa b’mod eċċessiv u frekwenti dwar ċirkustanzi speċifiċi bħal xogħol u skola. Il-persuna ssibha diffiċli biex tikkontrolla dawn il-ħsibijiet. L-ansjetà tikkawża wkoll diversi sintomi bħal nuqqas ta’ serħan, għajja, dak li jkun ma jkunx jista’ jikkonċentra, irritabilità, tensjoni fil-muskoli u nuqqas ta’ rqad.

Hi spjegat kif fit-tfal, l-ansjetà timmanifesta b’mod simili għall-adulti fejn tinkludi diffikultà biex wieħed jikkoċentra, nuqqas ta’ rqad u aptit, jirrabbjaw aktar faċilment, jibku, jħossu tensjoni, bżonn li jagħmlu użu mill-kamra tal-banju aktar spiss, ikunu jridu kuntatt mal-ġenituri aktar frekwentament, jilmentaw b’uġigħ fl-istonku jew li qed iħossuhom ħażin.

Intant, tfal akbar fl-età juru l-ansjetà tagħhom billi juru nuqqas ta’ kunfidenza biex jippruvaw affarijiet ġodda jew inkella jidher li jħossuha diffiċli biex jagħmlu affarijiet sempliċi u ta’ kuljum. Apparti l-istess sintomi li ssemmew qabel, sintomi oħrajn jinkludu ħsibijiet koroh jew li jibdew jaħsbu li se tiġri xi ħaġa ħażina u ġieli anke jibdew jevitaw milli jiltaqgħu ma’ sħabgom, joħorġu fil-pubbliku jew imorru l-iskola.

Sostniet li ħafna drabi, malli jaraw dan it-tip ta’ aġir, ħafna adulti mill-ewwel jibdew jaħsbu li dan għax it-tfal ma jridux imorru l-iskola jew għax qed jippruvaw jiġbdu l-attenzjoni. Sostniet li huwa importanti li wieħed iħares lejn l-aġir tat-tfal bħal spjegazzjoni għal kif qed iħossuhom, milli bħala biss atteġjament.

Xi tfal se jħossuhom kuntenti; oħrajn se jinkwetaw

Gingell irrimarkat kif ir-ritorn għall-iskola se jġib taħlita ta’ emozzjonijiet għat-tfal u għal dawk li jieħdu ħsiebhom. Qalet li filwaqt li ċertu tfal se jħossuhom kuntenti li se jmorru lura l-iskola u jerġgħu jiltaqgħu ma’ sħabhom, oħrajn se jinkwetaw għax issa se jkollhom jffaċċjaw l-isfidi akkademiċi li ħallew warajhom għal ftit xhur u jekk hux se jirnexxielhom ilaħħqu mal-istudenti l-oħrajn.

Intant, spjegat li fejn kien hemm każi ta’ ġenituri li ħadmu mid-dar permezz ta’ teleworking fl-aħħar xhur u għalhekk kienu mat-tfal għal tul ikbar ta’ ħin, it-tfal jaf issa jħossu n-nuqqas tal-ġenituri. Sostniet li jekk ikun hemm biki qabel ma t-tfal jiddaħħlu l-iskola din m’għandhiex tiġi bħala sorpriża. Qalet ukoll li l-aspett soċjali li l-ambjent tal-iskola jġib miegħu joħloq ukoll ansjetà, hekk kif ħafna mit-tfal kellhom xhur twal b’nuqqas ta’ soċjalizzazzjoni ma’ tfal oħrajn.

Gingell tkellmet ukoll dwar iż-żieda fir-regoli aktar stretti fl-iskejjel, b’rabta mal-pandemija. Sostniet li filwaqt li dawn qiegħdin hemm biex jipproteġu lill-istudenti, dawn ukoll jaf ikunu sors tal-ansjetà.

“Għal xhur twal, lit-tfal għidnielhom biex iżommu d-distanza soċjali minn persuni oħrajn u biex ma jitħalltux ma’ persuni li huma barra mis-social bubble tagħhom. Issa dawn qed ninkoraġġuhom biex jissoċjalizzaw, imma jagħmlu dan bil-maskri, visors, hand santisers u distanza soċjali ta’ 1.5 metri. Għal xi tfal, speċjalment dawk li se jibdew l-iskola għall-ewwel darba, din hija l-ewwel esperjenza tagħhom, iżda tfal oħrajn li esperjenzaw il-logħob bħal catch u football jew li kienu jpoġġu flimkien u jgħidu l-istejjer lil xulxin, dawn se jkollhom jaġġustaw għal ċirkustanzi differenti,” qalet Gingell.

Kif tista’ tkun ta’ sapport għal tfal li għaddejjin minn ansjetà?

Gingell qalet li l-ġenituri għandhom jiftakru li t-tfal jaffaċċjaw l-istress u l-ħajja b’mod differenti mill-adulti. B’hekk, meta wieħed jikkrea atmosfera ta’ sapport u jirrispondi b’mod pożittiv għall-mistoqsijiet u l-espressjoni tal-emozzjonijiet ikun qed jagħti lit-tfal x’jifhmu li hija xi ħaġa normali li fil-ħajja jħossuhom frustrati.

Spjegat li l-ġenituri jistgħu wkoll jgħinu billi jaraw li t-tfal iżommu r-rutina u jagħmlu l-edukazzjoni bħala xi ħaġa sabiħa u li tista’ tkun inkluża f’affarijiet ta’ kuljum bħal fit-tisjir, fil-qari mal-familja u anke fil-logħob.

Qalet li l-ġenituri għandhom jippermettu lill-uliedhom il-lok biex jinkwetaw. Spjegat li minkejja li forsi tinstema’ kontradittorja, ħadd qatt ma ħassu aħjar wara li xi ħadd qallu “u toqgħodx tinkwieta”. L-istess japplika għat-tfal. Meta adult jagħtihom lok biex jinkwetaw, ikunu qed jagħtuhom ċans li jaħsbu u jipproċessaw it-tħassib tagħhom. Dak il-ħin jista’ wkoll jintuża’ biex flimkien mat-tfal jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi li qed jaffaċċjaw.

Parir prattiku li għamlet il-psikologa klinika kien li jinħoloq dak li jissejjaħ “coping kit” mat-tfal. Dan jista’ jkun reali jew immaġinarju u jkun fih l-affarijiet essenzjali biex wieħed jgħin lit-tfal iħossuhom aħjar. Dan jista’ jinkludi eżerċizzjoni li jgħinu fir-rilassament, bħal kif wieħed jieħu n-nifs, u anke użu ta’ stress balls, fidgets, karti biex jiktbu dak li qed jaħsbu, sensory bottle, mużika u ġieli anke ikel.