X’għamel Joseph Muscat fl-aħħar 10 snin?

Ktieb li qed jinħareġ sabiex ifakkar l-10 anniversarju mill-elezzjoni ta’ Muscat qed jagħmel l-analiżi politika fit-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat kemm bħala Kap tal-Partit Laburista, kif ukoll bħala Prim Ministru.
Il-ktieb, bl-isem ta’ Joseph: 10 snin mexxej , ippubblikat mill-SKS jinkludi minn kollox, statistiċi, pubblikazzjonijiet, rappurtaġġ grafiku, riċerka, u bosta ritratti u intervisti.
Dr Muscat kien laħaq Kap tal-Partit Laburista lura fis-6 ta’ Ġunju tal-2008, filwaqt li ġie elett bħala Prim Ministru ta’ Malta għall-ewwel darba fid-9 ta’ Marzu tal-2013.
Kienu bosta dawk li taw il-kontribut tagħhom fil-kitba ta’ dan il-ktieb fosthom l-analisti filosofiċi Michael Grech u l-Prof. John Baldacchino, l-attivisti Gabi Calleja u Dr Deborah Schembri, il-ġurnalisti Kurt Farrugia u Nigel Vella, l-ekonomista Alfred Mifsud, u l-politiċi mħarrġa Evarist Bartolo, Maria Camilleri u Dr Joe Micallef Stafrace.
Min-naħa l-oħra, l-intervisti tħallew fl-istat oriġinali tagħhom u fosthom wieħed se jkun jista’ jaqra l-intervista li għamel Prof. Andrew Azzopardi ma’ Dr Muscat u l-intervista ta’ Claire Xuereb Grech ma’ mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat.
L-intervisti jinkludu mistoqsijiet dwar l-għażla tal-President tar-Repubblika, Egrant, il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u ħafna aktar.
Il-ktieb se jkun qed jinbigħ għal €15 u se joħroġ għall-pubbliku fit-28 ta’ Mejju.