X’ġab miegħu s’issa l-COVID-19 f’Malta?

a man wears a mask outside St Julians coronavirus
Miguela Xuereb

Il-każi tal-coronavirus f’Malta jidher li qed jiżdiedu. Issa jidher ukoll li qed isseħħ trażmissjoni lokali u b’hekk, il-miżuri li qed jittieħdu mill-Gvern qed ikunu iktar drastiċi, bil-għan li l-coronavirus jinfirex iktar bil-mod u mill-inqas possibbli.

Fl-aħħar bulettin dwar l-aġġornamenti mill-Gvern b’rabta mal-coronavirus ġie spjegat li ladarba l-COVID-19 beda jinfirex fil-komunità, tħabbru deċiżjonijiet ġodda li huma konformi mal-istrateġija tal-awtoritajiet tas-saħħa għal din il-fażi.

Dan wassal biex mit-8am illum, il-ħwienet li jbigħu prodotti mhux essenzjali (bħal ħwejjeġ, ġugarelli, elettroniċi u household goods) mhux se jitħallew jiftħu. L-istess jgħodd għal ħwienet li joffru servizzi mhux essenzjali bħal tax-xagħar u tas-sbuħija. Intqal iżda li mhux se jingħalqu s-supermarkets u l-grocers, pet shops, servizzi mediċi, postali u tat-trasport kif ukoll il-banek. Deċiżjoni oħra hija l-projbizzjoni li jkunu organizzati laqgħat jew avvenimenti pubbliċi. Intqal li kull min jikser dawn il-miżuri jeħel multa ta’ €3000 kull darba li jinqabad.

Każijiet ġodda mħabbra lbieraħ

Ilbieraħ tħabbru tota’ ta’ 17-il każ ġdid. Filwaqt li 10 każijiet kienu relatati ma’ safar, seba’ kienu każijiet fejn il-virus ittieħed kaġun ta’ firxa fil-komunità. B’hekk f’Malta s’issa hawn 90 każ tal-coronavirus. Żewġ persuni minn dawk li nstabu pożittivi diġà fiequ. Filwaqt li 28 pazjent qed jinżammu Mater Dei u fi sptar ieħor, il-kumplament tal-pazjenti jinsabu rikoverati d-dar f’iżolament u taħt osservazzjoni kontinwa mit-tobba.

Jibqgħu jiksru l-kwarantina

Il-Gvern sostna li minkejja l-miżuri ta’ multi għall-ksur tal-kwarantina madatorja xorta kien hemm dawk li kisruha. Il-bulettin spjega li tliet persuni oħra nqabdu jiksru l-kwarantina mandatorja. Huma nqabdu waqt 422 spezzjoni li saru f’Malta u 38 oħra f’Għawdex. Dawn weħlu multa ta’ €3000 kull wieħed. B’kollox diġà ngħataw 24 multa.

Fejn jidħlu spezzjonijiet fuq stabbilimenti, il-Gvern qal li lbieraħ saru aktar minn 320 spezzjoni f’Malta u 150 spezzjoni f’Għawdex fuq stabbilimenti bħal ristoranti, bars, kiosks, cinemas u aktar, li bħalissa għandhom jibqgħu kollha magħluqin. F’dawn l-ispezzjonijiet ma nstab l-ebda każ ta’ stabbiliment miftuħ.

Dawk kollha li jsiru jafu bi stabbilimenti miftuħin u jridu jagħmlu r-rapport tagħhom jistgħu jċemplu fuq 21692447 jew jibgħatu email fuq tourismcovid-19helpline@visitmalta.com.

B’kollox f’Malta s’issa saru aktar minn 2,600 spezzjoni. It-takeaways u d-deliveries huma eżentati mill-miżuri tal-għeluq tal-istabbilimenti.

Aktar ordnijiet mill-Gvern dwar servizzi differenti

Il-Gvern ħabbar struzzjonijiet ġodda dwar kif għandhom isiru l-lezzjonijiet tas-sewqan. L-għalliem irid ikollu persuna waħda biss fil-karozza. Is-seats iridu jkunu miksija bil-ġilda jew rexine, u d-dashboard u l-isteering iridu jiġu diżinfettati wara kull lezzjoni. It-twieqi tal-karozza jridu jkunu nofshom miftuħa għall-ventilazzjoni.

Intant, l-istess bħal-liċenzji tal-vetturi, anke l-liċenzji tas-sewqan li jiskadu minn dan ix-xahar ’il quddiem mhux se jiġġeddu u s-sewwieqa jistgħu jibqgħu jsuqu. Huma jrid ikollhom il-polza tal-assigurazzjoni. L-avviżi ta’ tiġdid tal-liċenzja mhux se jibqgħu jintbagħtu, filwaqt li t-testijiet tal-VRT għalissa m’hemmx għalfejn isiru.

Intant, il-Land Registry issa għandhom servizzi onlajn. Is-site-plans mil-Land Registry jistgħu jinkisbu online minn hawn fejn jistgħu wkoll jiġu ordnati u jitħallsu online. Il-pjanta tasal bil-posta fi żmien jumejn. Applikazzjonijiet u riċerki għandhom jitħallew f’envelop fir-reception tal-Lands. Mistoqsijiet dwar reġistrazzjoni jew informazzjoni fuq proprjetà f’Malta għandhom jintbagħtu lil enquirieslandregistry@gov.mt waqt li f’Għawdex lil enquirieslandregistrygozo@gov.mt.

X’inhuma l-helplines tal-Gvern dwar il-coronavirus?

  • 111 – Għall-persuni li jħossu sintomi tal-COVID-19 jew jixtieq iktar informazzjoni;
  • 22042200 – Għar-residenti Maltin li nqabdu f’wieħed mill-pajjiżi ta’ riskju għoli u jridu jiġu lura Malta;
  • 21411411 – Għall-persuni fi kwarantina mandatorja li għandhom bżonn provvista ta’ ikel u mediċini.
  • 144 – Għal dawk li jridu tagħrif dwar il-pakkett finanzjarju lill-industriji; intrapriżi u self-employed.
  • 25981000 – Għal dawk li għandhom domandi dwar is-settur edukattiv u l-impatt tal-Coronavirus.
  • 21692447 – Għal lukandiera u turisti li għandhom domandi dwar il-miżuri mħabbra.
  • 25903030 – Għall-anzjani mingħajr sapport li għandhom bżonn mediċini, ikliet lesti jew prodotti tal-ikel (frott u ħaxix).
  • 25469111 – Għal dawk li jaħdmu fl-industrija tal-gaming.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn