X’fettillu Franġisku jżeffen fin-nofs lis-Samaritan it-Tajjeb?

Il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb hija storja ħelwa għat-tfal jew storja li għandha tagħti xokk goff u tama ta’ fejqa lill-kultura kontemporanja mibnija kif inhi fuq individwaliżmu sfrenat?

Għall-Papa Franġisku din il-parabbola għandha tkun is-sies li fuqu tinbena d-dinja maħkuma mill-Covid-19. Din il-parabbola tisfida l-kultura dominanti tal-individwaliżmu, is-sistema ekonomika mibnija fuq is-suq, u l-politika li togħxa fil-bini tal-ħitan kemm fiżiċi kif ukoll metaforiċi. Din il-parabbola tiċħad bil-qawwa l-attitudni ta’ ‘aħna’ u ‘huma’. Tirrifjuta l-idea mijopika ta’ qasma bejn id-drittijiet taċ-ċittadini u d-drittijiet “tal-barrani”. Tikkundanna l-idea li aħna membri ta’ stat qabel aħna bnedmin bi drittijiet fundamentali għax aħna bnedmin.

Il-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, għal Franġisku, mhix storja ħelwa iżda l-bażi ta’ programm politiku radikali. Hu dan il-programm politiku li jista’ jkeċċi s-sħab iswed li hawn fuq id-dinja u jimbotta lill-umanità lil hinn mix-xifer tal-irdum li qiegħda fih.

Il-Papa Franġisku jgħid dan kollu fl-enċiklika Fratelli Tutti (Ilkoll Aħwa) li ġiet ippubblikata s-Sibt li għadda wara li ffirmaha fuq il-qabar ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Il-Papa ħa l-isem ta’ dan il-qaddis għax jemmen fil-programm li kellu San Franġisk li l-ewwel spira l-enċiklika tal-Papa Laudato Si dwar l-ambjent u issa spira l-enċiklika Fratelli Tutti dwar il-fraternità u s-solidarjetà.

Għal Franġisku l-umanità tista’ tirnexxi mhux jekk tibbaża fuq l-armi, fuq il-ftaħir dwar GDP, fuq l-isfruttar tal-ambjent, fuq l-ambizzjonijiet tal-big business jew fuq it-twarrib tal-fqar. L-umanità tista’ tirnexxi biss jekk tibni fuq il-fraternità u fuq il-ħbiberija soċjali.

Ħbiberija soċjali

Fraternità smajna biha, għalkemm ħafna drabi ma ngħixuhiex. Iżda żgur li ħafna l-frażi “ħbiberija soċjali” ma semgħux biha. Din hija l-ewwel darba li qed tintuża f’enċiklika. Kien Franġisku li fis-snin 2000 żviluppa dan il-kunċett meta kien għadu kardinal fi Buenos Aires fl-Arġentina.

Fl-enċiklika tiegħu issa jikteb li, “Imħabba kapaċi li tmur lil hinn mill-fruntieri hija l-bażi ta’ dak li f’kull belt  u pajjiż nistgħu nsejħulha ħbiberija soċjali. Meta f’soċjetà jkun hemm ħbiberija soċjali ġenwina, allura jkun possibbli li ninfetħu tassew lejn il-bqija tad-dinja.”

Il-Papa, biex juri kemm għandha validità kontemporanja l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, jikteb li s-Samaritan kien jipprattika “il-ħbiberija soċjali”. Huwa jżid li għaliex kien jagħmel hekk wasal biex interrompa l-vjaġġ tiegħu, biddel il-pjanijiet li kellu, u mingħajr ma kien qed jistenna, kien lest li jgħin lill-persuna feruta li kellha bżonn l-għajnuna.

Ftit frak tad-deheb

Id-dinja tinbidel għall-aħjar jekk il-pjanijiet politiċi u ekonomiċi jiddawlu minn din l-Enċiklika li minnha nislet biss ftit siltiet:

  1. “Nistgħu ngħidu li kull pajjiż huwa wkoll tal-barranin fis-sens li r-riżorsi li għandu l-pajjiż ma għandhomx ikunu miċħuda lill-persuna fi bżonn li tiġi minn xi mkien ieħor.” (124). Dan il-kliem għandu jniggeż il-kuxjenza ta’ ħafna f’pajjiżna.
  2. “Is-suq waħdu ma jistax jirrisolvi kull problema minkejja li d-domma tal-fidi tan-neoliberaliżmu tridna nemmnu dan.” (168) Imbagħad il-Papa jikkritika l-idea tat-trickle down economics, jiġifieri li l-ġid jibda minn fuq u jinxtered. Idea li teżisti fostna.
  3. “Il-politika ma għandhiex tkun suġġetta għall-ekonomija.” (177) F’dawn l-aħħar snin l-idea bil-maqlub ta’ din iddominat il-ħsieb politiku ta’ ħafna fostna.
  4. “Is-solidarjetà tfisser aktar milli jsiru atti sporadiċi ta’ ġenerożità. … Is-solidarjetà tfisser li l-ħajja tal-kotra tiġi qabel il-ħtif tal-ġid mill-ftit. … Tfisser li nikkonfrontaw l-effetti diżastrużi tal-imperu tal-flus.” (116).
  5. “Ir-risposta tagħna għall-wasla tal-immigranti tinġabar f’erba’ kelmiet: agħti merħba, ipproteġi, ippromwovi u integra.” (129) X’differenza mid-diskors xenofobiku li issa anke politiċi li misshom jafu aħjar qed jgħidu.

Dawn is-siltiet huma farka żgħira mit-teżor enormi li fiha l-Enċiklika.

Int x’se tagħmel?

Il-Papa jgħidilna li bħas-Samaritan it-Tajjeb, ma għandniex nagħtu kas jekk il-proxxmu hux Lhudi jew Samaritan. It-twemmin li l-bnedmin huma kollha aħwa ulied l-istess Missier għandu jkun aktar sod minn kwalunkwe differenza li jkun hemm.

Tħallix il-Parabbola tkun storja ħelwa għat-tfal iżda agħmilha l-programm ta’ ħajtek. Dawn il-mistoqsijiet tal-Papa jgħinuk tagħmel dan:

“Mill-karattri tal-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb ma’ min tidentifika ruħek? Liema karattru tixbah?” (64)