Xewka x’għandha moħħha?

Matul din il-ġimgħa, kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa fl-10.15am, TVM se jkompli jxandar żewġ puntati wara xulxin mis-sensiela Il-Misteru tan-Nannu Ton.

Fl-ewwel wieħed tal-lum, Nusu nqabad priġunier ta’ Xewka, u Xewka qed iżżommu biex jiġi jsalvah il-bniedem, jiġifieri n-nannu. Imma Xewka xi trid eżatt mingħand in-nannu? U issa li n-nannu sab liż-żewġ suldati ta’ Xewka quddiemu x’se jiġri?

X’inhuma l-meżżi perikolużi li hemm imsemmija fil-ktieb tal-Misteri? In-nanna qed tinkwieta għax issa taf li Ġużeppi tagħha qiegħed jilgħab man-nar. Waqt li Brimbu, issa li jaf kollox, jixtieq jerġa’ jmur lura fid-dinja ta’ Agii biex jara hu x’jista’ jagħmel. Għalhekk in-nanna tibgħat għal Mark u Sharon, iżda meta dawn jaslu jsibu li x-xemgħat li bihom tkun tista’ tmur fid-dinja ta’ Agii spiċċaw. X’se jagħmlu issa?

Fit-tieni episodju tal-lum, Nusu issa hu priġunier ta’ Xewka. U Xewka se tagħmel minn kollox biex permezz ta’ Nusu tikseb dak li trid hi, jiġifieri li jkollha Agii f’idejha biex hi tkun tista’ ssir ir- Reġina. Iżda se jseħħ dan? Skond dak li hemm miktub fil-ktieb tal-misteri, se jkun hemm bniedem li se jwaqqaf lill-ħażin milli jirbaħ. Tgħid dan il-bniedem hu n-nannu?

In-nannu se jerġa’ lura lejn Agii biex isalva lil Nusu minn taħt idejn Xewka? U għaliex Xewka ferħet daqshekk meta qrat fil-ktieb tal-Misteri li n-nannu se jerġa jirritorna fid-dinja tagħhom? Xewka x’għandha f’moħħha?

Jieħdu sehem: Jurgen Ciantar, Carly Zarb, Raoul Briffa, Dylan Hili, Amarea Camilleri, Rebecca Ferrante, Louise Cassar u Mike Mifsud fost oħrajn.

Il-Misteru tan-Nannu Ton għandu kitba ta’ Dominic Said., produzzjoni ta’ Hermann Bonaci u direzzjoni ta’ Frida Cauchi.