‘Xeni ta’ qsim il-qalb’; Toħdilhom il-filmati sa sigħat qabel mewthom

Mara weħlet ħames snin u nofs ħabs wara li nstabet ħatja li poġġiet il-ħajja taż-żewġ anzjani fil-periklu u kkawżatilhom tbatija bla bżonn.

Dragana Mijalkovic ta’ 45 sena mis-Serbja kienet mixlija li poġġiet il-ħajja ta’ Neville Ayers u David Grant fil-periklu. Iż-żewġ anzjani Ingliżi li nstabu mejta fl-appartament tagħha. Iż-żewġt irġiel kienu nstabu mejta fl-2016 tmien xhur il-bogħod minn xulxin. Huma nstabu f’kundizzjonijiet simili u kien hemm sinjali li hi ma ħaditx ħsiebhom.

Il-mara kienet tpoġġiet taħt arrest preventiv fl-2016 wara li ġiet mixlija li kienet ikkawżat tbatija bla bżonn lill-vittmi. Il-mara qatt ma ngħatat ħelsien mill-arrest minn dakinhar.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech f’deċiżjoni ta’ 63 paġna ddeskriviet il-filmati li ħadet ta’ Grant bħala ‘xeni ta’ qsim ta’ qalb’. Il-Qorti kienet semgħet kif il-mara ħadet filmati taż-żewġ anzjani sa sigħat qabel mewthom, bil-Maġistrat tisħaq li kienu jidhru bla saħħa u kien kuntrarju ta’ dak li kienet qed tigdeb meta qalet li l-anzjani kienu ‘normali’.

Il-Maġistrat qalet ukoll li minkejja l-mara semmiet diversi persuni li lesti jikkorroboraw il-verżjoni tagħha, xorta ma tressaq ħadd li seta’ jissostanzja dak li kienet qed tgħid.

Il-Qorti analizzat diversi filmati u ritratti li kienu meħudha mill-mara bil-ħsieb li ġġibhom bħala evidenza li l-irġiel ma rridux assistenza medika. Il-Qorti kkumparat il-filmati bħala dokumentarju li nħoloq, inkiteb mill-mara stess u dderiġiet lill-anzjani biex ‘jaħdmu’ fih involontrajament u kontra r-rieda tagħhom.

Fost il-filmati, hemm filmat li juri li minflok tgħin lil Ayers iqum mill-banju hi għażlet li tiffilmja lir-raġel.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li lil Grant kienet ħaditlu filmati meta kien mal-art u ma felaħx iqum, fejn kellu ġrieħi jidhru. Ħareġ ukoll li ħallithom mixħutin mal-art hi u tiġbed il-filmati.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Maġistrat innutat li t-ton tal-mara fil-filmati kien nieqes għal kollox minn tħassib dwar is-saħħa tal-anzjani u l-fatt li kienu persuni vulnerabbli. Il-Qorti nnutat ukoll li l-atteġġjament tagħha kien wieħed biered mingħajr farka ħniena. Il-Qorti spjegat kif kienu dawn il-filmati li waslu biex il-mara tinsab ħatja.

Il-mara għalhekk intbagħet 5 snin u nofs ħabs u ġiet ordnata tħallas €14,514.

Il-Qorti ordnat li l-mara tintbgħat lura pajjiżha wara li tiskonta s-sentenza.