Xeni ta’ film Daniż qed jinġibdu Malta

Ħdax-il persuna Daniża bħalissa jinsabu Malta għall-ġbid ta’ sigħat sħaħ ta’ xeni għall-film ‘Malta-All Inclusive’.  Id-Daniżi huma parti mill-crew li jinkludi wkoll 50 persuna Maltija.

Il-film huwa dwar omm u ż-żewġ uliedha li jiġu Malta biex jiċċelebraw għeluq is-60 sena tagħha.

Fil-bidu l-produtturi Daniżi kellhom il-ħsieb li jmorru Mallorka fi Spanja, iżda eventwalment għażlu li jiġu Malta bi tliet kwarti tal-film mistenni jiffoka fuq il-gżejjer Maltin.

‘Malta-All Inclusive’ mistenni jibda jintwera fid-Danimarka u fl-Iskandinavja fi żmien sena.

Il-film ‘Malta-All Inclusive’ qed jibbenefika mill-inċentivi li qed joffri l-Gvern għall-produzzjoni tal-films, kif ukoll minn għajnuna mill-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-Malta Film Commission u l-Air Malta.

Aktar kmieni llum, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella u ċ-Chairman tal-MTA Josef Formosa Gauci ltaqgħu mal-producer Daniża Mie Andreasen u mal-maniġer tal-produzzjoni Pierre Ellul.