“Xena ta’ gwerra; ommi mietet fit-tiġrif”

Times of Malta

Fit-3 ta’ Ġunju tal-2004 f’San Pawl il-Baħar seħħet traġedja li bidlet ħajjet Diane Mulè Stagno mil-lejl għan-nhar. Fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart, waqt il-programm Newsbook Hour, Mulè Stagno ddeskriviet x-xena tal-waħx li rat meta waslet fil-post fejn darba kien hemm id-dar ta’ ommha f’San Pawl il-Baħar.

“Bit-tifrik li kien hemm kienet qisha xena ta’ gwerra. Mill-ewwel qalbi ħebritni li ommi inqatlet fil-ħerba.” Fit-traġedja inqatlu kemm Mary Zarb li kellha 60 sena kif ukoll Nadya Velivovya ta’ 24 sena li kienet qiegħda għand Zarb titgħallem il-Malti.

“Kull meta jkun hawn tiġrif ta’ bini nerġa ngħix mill-ġdid il-kalvarju li għaddejt minnu dakinhar.”

Intervistata minn Fr Joe Borg, Mulè Stagno qalet li l-binja ġġarfet kawża ta’ traskuraġni u l-ksur tar-regolamenti ta’ dawk li kienu qed jaħdmu fuq is-sit ta’ kostruzzjoni li kien jinsab bieb ma’ bieb magħha. Minkejja dan, 15-il sena wara, għadha ma saritx ġustizzja u l-każ tal-Qorti mhux magħruf x’sar minnu.

“Stajna mitna jien, żewġi u t-tarbija tagħna”

Mulè Stagnio rrakkuntat kif it-3 ta’ Ġunju tal-2004 kienet ġurnata normali tax-xogħol. F’dak iż-żmien, hi bħalha għalliema kienet għadha kif bdiet bin-nofs ta’ nhari. Spjegat li qabel marret ix-xogħol ħadet lit-tarbija tagħha li jisimha Liliana għand ommha.  Hija reġgħet marret għaliha malli spiċċat il-ġurnata tax-xogħol. Qalet kif hi u ommha bdew jitkellmu, imbagħad erħitilha lejn id-dar tagħha, li kienet triq ‘il bogħod minn dik ta’ ommha.

Spjegat li l-aħħar darba li rat lil ommha kien x’ħin it-tifla ftakret f’ġugarell li ħalliet warajha għand in-nanna u riditu. Mulè Stagno marret għalih u rrakkuntat kif l-aħħar xena ta’ ommha kienet tagħha fit-taraġ, tatiha l-ġugarelli u ssellmilha.

“Kieku ma konniex bin-nofs ta’ nhari kieku jien, żewġi u t-tarbija tagħna konna nkunu għadna għand ommi meta ġġarraf il-post. Konna immutu lkoll flimkien”, qalet b’emozzjoni kbira.

Filmat: Dar u appartamenti jiġġarrfu f’Tal-Pietà

Tisbita kbira mal-bieb

Meta hi, ir-raġel tagħha u bintha waslu lura d-dar, Mulè Stagno bdiet tagħmel xi faċendi, filwaqt li t-tifla u r-raġel marru jistrieħu. Imbagħad, emozzjonata, irrakkuntat kif għall-ħabta tat-3.30pm semgħet tisbita kbira mal-bieb ta’ barra. Malli fetħet rat quddiemha lill-ġara u pulizija. Qalet li dak il-ħin bħal donnu qalbha ħebbritha li kien ġara xi ħaġa lil ommha.

Qalet li malli l-Pulizija wasslilha l-aħbar li d-dar ta’ ommha ġġarrfet, ċemplet lil ħu ommha, Patri Elija. Imbagħad marret tiġri ħdejn it-tiġrif, filwaqt li r-raġel baqa’ mat-tifla.

Xena ta’ gwerra

Mulè Stagno qalet li minkejja li qatt ma esperjenzat gwerra, dak li rat quddiema kien propju xena ta’ gwerra. Malli waslet fuq il-post u rat it-tiġrif sostniet li mill-ewwel qatgħet qalbha li ommha setgħet qatt salvat. Minn hemm bdiet tittama li tal-inqas jinstab ġisem sabiex tkun tista’ tagħmlilha funeral xieraq. Qalet li nġabru għexieren ta’ persuni fuq il-post fosthom pulizija, esperti tal-Qorti, ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u ambulanzi tal-emerġenza.

Irrakkuntat li damet hemm sas-2.00am. ħdejn it-tiġrif. Il-katavri ta’ ommha u tal-istudenta Russa instabu għall-ħabta tas-1.20am.

Filmat: Taqa’ binja fil-Mellieħa

X’ġara fil-ġranet ta’ wara?

Mule Stagno irrakkuntat li fil-ġranet ta’ wara, xi ħaġa li weġġgħetha ħafna, kienet li ma ngħatatx biżżejjed ċans biex tkun tista’ tiġbor xi affarijiet tal-familja minn qalb it-tiġrif.

“Xtaqt niġbor xi rikordji ta’ ommi u tan-nanniet. Iżda bil-gaffa bdew ineħħu kollox” qalet Mule Stagno.

Spjegat li l-funeral ta’ ommha sar is-Sibt ta’ wara l-inċident. Qalet li qatt ma kienet preparata sabiex taħdem fuq il-funeral ta’ ommha. Qalet li filwaqt li mewtiet oħrajn forsi wieħed ikun qed jistennihom minħabba mard terminali, din id-diżgrazzja ġiet f’daqqa waħda.

Għada: “Magħna għadha ma saritx ġustizzja”