“Xena ta’ fantozzi” – avukat dwar ir-rejd fil-Paloma Hotel

Read in English.

Ir-rejd tal-Pulizija fil-Paloma Hotel tlaqqmet bħala “Fantozzata” fil-Qorti llum. Dan qalu l-avukat Edward Gatt, li qed jidher il-Qorti f’isem mingħand min qed jikru l-immigranti.

Il-Pulizija u l-awtoritajiet tas-saħħa għamlu rejd fis-26 ta’ Awwissu. Fuq il-post kienu nstabu jgħixu grupp ta’ immigranti. L-avukat tad-difiża argumenta li l-persuni li kienu jgħixu fil-binja li qabel kienet magħrufa bħala l-Paloma Hotel ikunu agħar jekk l-awtoritajiet tas-saħħa jgħalqu l-binja.

Aqra: Ritratti: Il-Pulizija żgassaw biex jidħlu; Il-Qorti twaqqaf tas-Saħħa Pubblika milli jissiġillaw il-Paloma Hotel

L-avukat qal li ma jemminx li l-affarijiet iseħħu b’kumbinazzjoni. Hu semma li r-rejd sar wara li xi 350 immigrant iddaħħlu Malta. Qal li b’dan l-att, il-pajjiż ried jibgħat messaġġ li mhux talli qed isalva l-immigranti, imma qed jikkontrollahom ukoll.

Il-persuni kollha kienu ġew arrestati. Huma nħelsu ftit wara meta nstab li d-dokumenti tagħhom kienu kollha leġittimi.

Skont Gatt, l-awtoritajiet tas-saħħa setgħu ordnaw lill-kerrej biex jagħmel it-tibdiliet neċessarji mingħajr ma jgħalqu l-propjetà. Qal li min qed jikri huwa responsabbli li jieħu ħsieb il-post fejn qed jgħix, mhux sid il-kera.

Aqra: Jinħarġu minn blokka appartamenti f’Buġibba madwar 80 immigrant

“Jekk tikri kamra għal €100 fix-xahar ma għandekx tistenna kundizzjonijiet qishek qiegħed il-Hilton,” argumenta Gatt. Kompla jgħid li sakemm il-Qorti tikkonferma d-drittijiet tiegħu jilħaq imut bil-ġuħ. Gatt wera tħassib ukoll dwar kif il-Pulizija minflok ħabbtu fuq il-bibien dakinhar tar-rejd, qalgħu l-bibien minn posthom.

L-avukat qal li jekk il-mandat ma jiġix ikkonfermat, mal-120 persuna, inkluż tfal, se jispiċċaw jgħixu fit-triq. Qal li dan se jagħmel iktar ħsara lill-kerejja milli lil sid il-kera. Qal li ħadd ma offra akkomodazzjoni oħra għal dawn il-persuni.

Aqra: “Immigranti trattati daqslikieku għamlu reat”

Dokumenti dwar ix-xogħol li għamel is-sid tal-art bejn ir-rejd u l-ewwel smigħ fil-Qorti tressqu quddiem il-Qorti llum.

Intant, l-avukati Dustin Camilleri u Alexia Farrugia Zrinzo li dehru f’isem l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li s-Superintendent tas-Saħħa Pubblika għandu l-awtorità legali li jieħu azzjoni. Is-Superintendent għandu l-poter li jgħalaq propjetà jekk ikun hemm emerġenza tas-saħħa pubblika. Camilleri qal li dan isir biex jipproteġu kemm lil dawk li qed jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena, kif ukoll lill-komunitajiet tal-madwar.

Jidher li r-rejd sar wara li xi ġirien għamlu rapporti lill-awtoritajiet tas-saħħa.

Għada l-Imħallef Francesco Depasquale se jkun qed jiddeċiedi dwar il-mandat.