Xemx, sħana u ċpar għal darb’oħra…fil-jiem li ġejjin

Wara ftit jiem ta’ temperaturi xitwin, minn għada t-temp mistenni jerġa’ jeqleb għal wieħed kważi sajfi fuq il-gżejjer Maltin.
Skont is-sit FirstMalta, li joffri servizz ta' tbassir tat-temp, it-temperaturi mistennija jitilgħu lura għal 17-il grad, bix-xemx tispikka matul il-ġurnata.
Sadattant l-aġenzija Amerika NOAA (National Oceanic and Atmospheric Administration) ħabbret li t-temperaturi fl-2015 kienu l-iktar sħan li qatt ġew irreġistrati mill-1880, minn kemm ilhom jiġu reġistrati t-temperaturi, l’hawn.  
Għalhekk l-2015 kienet l-iktar sena sħuna s’issa fl-istorja moderna.  Filwaqt li Diċembru li għadda f’Malta kien xott u sħun ħafna iktar mis-soltu, anke madwar id-dinja kien l-iktar Diċembru sħun li qatt ġie reġistrat skont l-istess aġenzija Amerikana.
Is-sit FirstMalta jispjega li l-Mediterran għadu sħun ħafna iktar mis-soltu minħabba antiċiklun li dam xhur imwaħħal fuqna kif ukoll minħabba l-attività klimatika magħrufa bħala l-El Niño.  
L-El Niño huwa perjodu ta’ sħana ikkawżat minħabba movimenti ta’ arja sħuna fl-Oċejan Paċifiku u li jaffetwa t-temperatura tad-dinja kollha. S’issa l-El Niño jidher li kien b’saħħtu ħafna.