Xejriet negattivi fl-Ewropa dwar l-użu tal-internet mit-tfal

F’diversi pajjiżi Ewropej hemm tendenzi negattivi li jillimitaw l-użu tal-internet fost it-tfal kif ukoll oħrajn li ma jipprovdux prevenzjoni mill-perikli li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom meta jkun onlajn.

Studju riċenti juri kif ix-xejriet dwar l-użu tal-internet fost it-tfal ivarja skont il-pajjiż.

F’pajjiżi bħal Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall, Spanja, it-Turkija u r-Renju Unit, hemm tendenza li l-ġenituri jipproteġu lil uliedhom iżżejjed, tant li jnaqqsulhom l-opportunitajiet tagħhom.

Madanakollu, fl-Awstrija, l-Ungerija, il-Litwanja u s-Slovenja, it-tfal jużaw l-internet kontinwament, iżda l-ġenituri tagħhom ma jagħtux kas.

Tfal fid-Danimarka, il-Fillandja, l-Olanda, in-Norveġja u l-Iżvezja huma involuti ħafna fin-netwerks soċjali, u jiltaqgħu ma’ iktar riskji sesswali meta jkunu onlajn.

Tfal f’pajjiżi oħra jiltaqgħu ma’ riskji meta jkunu onlajn, iżda l-ġenituri tagħhom jimmoniterjaw l-użu tal-internet ta’ uliedhom.

Ir-riċerkaturi jinsabu mħassba li kemm ir-restrizzjoni tal-użu tal-internet, kif ukoll in-nuqqas ta’ appoġġ meta t-tfal ikunu onlajn, jistgħu jwasslu għal livelli ogħla ta’ periklu.