Xejn Premju Nobel tal-Letteratura għal dis-sena

L-Akkademja Żvediża tal-Premju Nobel iddeċidet li tikkanċella l-Premju għal-Letteratura tal-2018, wara skandlu ta’ abbużi sesswali min-nies qrib persuni fil-kumitat.
Id-deċiżjoni ttieħdet illum, u minflok li tħabbar rebbieħ għall-2018, l-akkademja rrimarkat li se tħabbar tnejn is-sena d-dieħla.
Il-każ idur ma’ akkużi dwar sensiela ta’ abbużi sesswali fil-konfront tal-fotografu Franċiż Jean-Claude Arnault, li jiġi żewġ Katarina Frostenson, membru fl-akkademja u poeta.
Wara l-allegazzjonijiet li ħarġu f’Novembru li għadda, irriżenjaw tliet membri mill-ġurija ta’ 18-il persuna li jagħżlu lir-rebbieħ wara li ma ħadux gost li Frostenson ma tkeċċietx.
Aktar kmieni dax-xahar irriżenjat ukoll Sara Danius, is-Segretarju Permanenti tal-Akkademja, wara taqtiegħa sħiħa bejn il-membri anki fil-midja Żvediża. Danius kienet ukoll qed tiġi kkritikata li taċċetta mġiba bħal dik tar-raġel ta’ Frostenson.
Għalhekk l-Akkademja Żvediża tal-Premju Nobel qalet li wara dan-nuqqas kollu ta’ membri ddeċidiet li tqatta’ l-bqija tas-sena tevalwa s-sitwazzjoni, u tbiddel il-prattiċi tagħha, fosthom li timmodernizza l-istatut.