Aġġornata (3): Xejn ma jorbot lil Michelle Muscat ma’ Egrant – Il-Maġistrat

Il-Maġistrat Aaron Bugeja qal fir-rapport tiegħu li ma hemm xejn li jorbot lil Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru, mal-kumpanija Egrant.

Il-Maġistrat qal li ma sab l-ebda dokument li jorbot lill-familja Muscat ma’ Egrant. Qal ukoll illi ditta forensika Ingliża ma sabet l-ebda evidenza fuq is-servers ta’ Pilatus Bank li torbot lill-familja Muscat ma’ Egrant.

Punti mill-konklużjonijiet tal-inkjesta:

  1. Intalbet l-assistenza tal-Panama, Belġju, Emirati Għarab Magħquda, Ġermanja (mandat t’investigazzjoni ewropew) u Stati Uniti (talba għal preservazzjoni ta’ informazzjoni diġitali)
  2. Il-forensic digital analyst Elisabeth Briggs ta’ Key Forensic Services f’Conventry fl-ingliterra analizzat il-kopji ta’ declarations of trust fl-atti tal-inkjesta li kienu preżentati minn Pierre Portelli u qabblithom mal-firem oriġinali u awtentiċi ta’ Jacqueline Alexander (minn Mossack Fonesca fil-Panama) u sabet li ma kinux jaqblu
  3. Inġabar il-footage mill-MIA u mill-Bank Pilatus, kif ukoll ittieħdu diversi ritratti
  4. Ix-xhieda tal-impjegati tal-Bank Pilatus ma kinux jaqblu dwar l-eżistenza ta’ safe jew filing cabinet miżmum fil-kċina tal-uffiċċini tal-Bank Pilatus, iżda fil-provi nstab li hemm filing cabinet magħruf bhala safe li kien jissakkar u li għal xi żmien probabbilment kien fil-kċina.Fil-Bank Pilatus instabu diversi dokumenti li kienu jagħmlu referenza għall-użu ta’ safe u dwar il-kontentut tiegħu prinċipalment konsistenti f’dokumenti kunfidenzjali ta’ klijenti importanti għal bank inkluż persuni Maltin esposti politikament.
  5. L-uniċi declarations of trust li rriżultaw lil din l-inkjesta huma dawk li kopja tagħhom ġiet depożitata fl-atti tal-inkjesta minn Pierre Portelli flimkien ma’ dikjarazzjoni tiegħu u li saret referenza għalihom minn Daphne Caruana Galizia (fl-artikli tagħha) u minn Maria Efimova (fix-xhieda tagħha)
  6. Id-declarations of trust analizzati għal darbtejnnstab li firem indikati fuqhom meta mqablin ma’ ta’ Janes Alexander ma kienux jaqblu.
  7. Dawk id declarations of trust għalhekk huma dokumenti foloz, magħmula minn xi hadd li f’dan l-istadju ghadu mhux maghruf.
  8. Din l-inkjesta sabet ukoll li min iffalsifika dawn id-declarations of trust kellu aċċess għall-informazzjoni b’riferenza għal Egrant Inc, Joseph Muscat u Michelle Muscat u Nexia BT, liema informazzjoni setgħet tinstab faċilment minn open sources fuq l-internet.
  9. Ma nstabet ebda rabta dokumentarja stampata jew xhieda oħra li torbot lil Michelle Muscat mal-propjetà tal-ishma ta’ Egrant
  10. Ma rriżultax li Egrant Inc kellha kont bankarju miftuħ, magħluq jew pendenti mal-Bank Pilatus
  11. Ma rriżultax li Michelle Muscat u Joseph Muscat jew familjari tagħhom kellhom kont il-Bank Pilatus iżda rriżulta li kienu jafu lil u ġieli ltaqgħu ma’ Ali Sadr, saħansitra kienu mistednin għat-tieġ tiegħu, li għalih attendew ukoll Maltin oħra
  12. It-titjira ta’ Ali Sadr: Fl-20 ta’ April tal-2017, Ali Sadr kien fuq it-titjira 1276 minn Frankfurt lejn Malta. Deher fuq il-kameras tas-sigurtà tal-ajruport Malti ħiereġ mill-ajruport f’11:40am. Inġabru wkoll il-filmati mill-kameras tas-sigurtà ta’ Pilatus tal-20 t’April tal-2017. Sadr daħal fil-bank għall-ħabta tas-12:45pm u dam sa xid-9:15pm. Kif jidher mill-kameras tal-Bank Pilatus ta’ ġewwa, Sadr daħal fil-boardroom u tefa’ l-bagalji warajh. Jidher joħroġ tablet, mowbajl, xi karti u lapsijiet mill-parti ta’ fuq nett tal-bagalja. Baqa’ jahdem sa xid-9:15pm. Diversi impjegati jidhru deħlin u ħerġin, fosthom Claude-Ann Sant Fournier (il-Kap legali tal-Bank Pilatus). Fis-7:24pm jidħol Luis Felipe Rivera u jħalli xi karta lil Ali Sadr, li poġġieha fil-ġenb u ma tax kasha. Sadr poġġa fil-bagalja l-affarijiet kollha li ħareġ, inkluż il-karta li tah Rivera.
  13. L-allegazzjoni li nħarġet kwantità kbira ta’ dokumenti li kellhom x’jaqsmu mal-allegazzjonijiet ma rriżultatx pruvata.
  14. It-titjira fil-lejl tal-21 ta’ April tal-2017 minn Malta lejn Baku li baqgħet sejra lejn Dubai verament seħħet. L-ajruplan wasal Malta minn Ben Gurion b’żewġ persuni abbord.
    Fl-3:43 daħlet talba għal titjira minn Baku għal Dubai. L-ajruplan f’Malta kien l-eqreb wieħed tal-kumpanija u ġie assenjat biex imur l-Ażerbajġan mingħajr passiġġieri sabiex jitwasslu l-persuni li prenotaw titjira lejn Dubai. Din hi dokumentata bl-email. Saru arranġamenti biex l-ajruplan jitlaq għall-ħabta tat-03.30-4.00am fil-21 t’April. Il-bdot Ludwig Wright qal li t-titjira telqet bhala positioning flight u n-nies li kien hemm fuq l-ajruplan kienu l-ekwipaġġ u l-affarijiet personali tagħhom; tliet piloti u flight attendant.
  15. Fid-dokumentazzjoni relatata mat-titjiriet, instabu diskrepanzi bejn l-emails li ntbagħtu minn Nicholas Van Der Meer – diriġent tal-linja VistaJet u Rui Gonvalces – VistaJet Limited Malta. L-ammont ta’ passiġġieri u n-numri tal-passaporti li nbagħtu mit-tnejn ma kinux jaqblu kollha. Fl-inkjesta jgħid li post, data, ħin, kuntest u diskrepanzi esebiti jistgħu jagħtu lok għal suspetti, u ma ġiex pruvat sal-grad rikjest mil-liġi li fit-titjira bejn Malta u Baku kien hemm xi dokumenti li kienu marbuta mal-meritu ta’ din l-inkjesta li ttieħdu minn Malta lejn l-Ażerbajġan u/jew mill-Ażerbajġan lejn Dubai.

AQRA: L-AĠ jippubblika l-konlużjonijiet ta’ Egrant; mhux ir-rapport sħiħ