Xejn ma jgħid li MPs ma jistax ikollhom ħatriet mill-Gvern – Cutajar

Il-pariri legali kollha li ħa l-Gvern kollha juru li ma hemm xejn, la fil-Kostituzzjoni tal-pajjiż u lanqas fil-liġijiet ta’ Malta, li jqegħdu lill-membri parlamentari li jkollhom ħatriet mal-Gvern f’xi tip ta’ kunflitt.

Dan ħareġ bħala konklużjoni ewlenija ta’ analiżi mmexxija mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fuq talba tal-Prim Ministru f’Lulju li għadda. Dan segwa rapport ippubblikat fil-5 ta’ Lulju mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Marius Hyzler. Hu kien intalab jinvestiga jekk l-ingaġġ jew impjieg ta’ deputati parlamentari backbenchers bħala konsulenti jew impjegati tal-Gvern jew korpi mwaqqfa, b’liġi jirrappreżentax kunflitt ta’ interess jew ksur ta’ dmirijiet etiċi jew statutorji.

Aqra: L-MPs iridu jagħżlu – George Hyzler

Fir-rapport ta’ Hyzler hu sejjaħ biex il-backbenchers fil-Parlament ma jibqgħux jingħataw xogħlijiet u konsulenzi mal-Gvern, peress li dan huwa “fundamentalment ħażin.”

Cutajar spjega li biex għamel l-analiż tiegħu, li hija twila 30 paġna, saret riċerka f’files governattivi li jittrattaw l-involviment fil-politika ta’ uffiċċjali pubbliċi u impjegati pubbliċi. Hu talab il-pariri legali kemm mill-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech u mill-Professur Ian Refalo.

Il-Kostituzzjoni Maltija mibnija fuq is-saltna tad-dritt

Min-naħa tiegħu, Cutajar semma kif il-Professur Ian Refalo spjega li fil-parir tiegħu, il-Kostituzzjoni Maltija hija mibnija iktar fuq is-saltna tad-dritt milli fuq is-separazzjoni tas-setgħat. Qal li hawn toħroġ l-importanza tal-indipendenza tal-ġudikatura. Refalo sostna li l-fehma li l-awtonomija tal-Parlament tissaħħaħ mhux billi taqleb il-Kostituzzjoni ta’ taħt fuq imma billi jissaħħaħ iktar ir-rwol tal-Ispeaker, bl-iżvilupp fid-direzzjoni t-tajba lejn kumitati magħżula tal-Kamra u reviżjoni tal-Istanding Orders biex id-deputati jkollhom iktar kontroll fuq il-proċessi tal-Kamra tar-Rappreżentanti fost oħrajn.

Aqra: Kontra l-Kostituzzjoni li MPs jaħdmu mal-Gvern

Qal ukoll li fil-Kostituzzjoni ma hemmx linja ċara li tifred l-eżekuttiv mil-leġiżlattiv. Sostna li t-tnejn meħtieġa li jkunu marbuta kostituzzjonalment għax is-setgħa kollha, skont il-Kostituzzjoni, toħroġ mill-Kamra tar-Rappreżentanti u lill-gvern tal-ġurnata tant li l-membri tal-eżekuttiv – ministri u segretarji parlamentari – iridu jkunu membri parlamentari. Sostna li għalhekk, m’hemmx inkompatibbilità kostituzzjonali bejn il-membri fl-eżekuttiv u l-membri parlamentari tant li l-Kostituzzjoni teżiġi li Ministru għandu jkun maħtur biss minn fost il-membri parlamentari.

Prattika li ilha fis-seħħ minn qabel l-Indipendenza

Fi stqarrija fejn ġew ippubblikati wkoll id-dokumenti kollha konċernati b’mod sħiħ, il-Gvern qal li diversi drabi ħareġ li sa minn qabel l-Indipendenza, il-membri parlamentari setgħu jitqiegħdu fuq bordijiet ta’ entitajiet pubbliċi.

Intant issemma kif ir-rapport ma jiqafx fi kritika tar-rapport ta’ Hyzler u għaraf ukoll nuqqasijiet fis-sistemi eżistenti li ssemmew fir-rapport ta’ Hyzler. Fosthom dwar ingaġġi fuq bażi ta’ fiduċja, analiżi iktar fil-fondi ta’ entitajiet pubbliċi u f’liema bordijiet jistgħu jservu persuni li jkunu membri parlamentari u emendi għall-kodiċi ta’ etika għall-impjegati fis-settur pubbliku u għall-membri tal-bordijiet.