“Xejn ma indikalna li l-AUM ħaqqha li titteħdilha l-liċenzja”

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla (NCFHE) qalet li ma sabet ebda ksur ta’ regolamenti min-naħa tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM), u allura m’hemm ebda raġuni biex titteħdilha l-liċenzja.
Il-liċenzja biex l-AUM tkun tista’ tibda tgħallem liż-żgħażagħ ingħatat mill-kummissjoni stess f’Settembru tal-2016.
Fi stqarrija maħruġa llum waranofsinhar, il-kummissjoni rrimarkat ukoll li l-AUM bagħtitilha wkoll is-CV tal-għalliema l-ġodda li daħħlet aktar kmieni dax-xahar, u kienet sodisfatta b’dawn.
Riċentement l-AUM kienet fiċ-ċentru tal-midja, wara li ġie żvelat li hemm ftit wisq studenti jattendu f’din l-università, li skont il-pjanijiet kienet mistennija tattira aktar minn 4,000 fi tliet snin.
Il-fokus fuq din l-università żdied meta ftit tal-jiem wara ħareġ li madwar 12-il għalliem u ħaddiem ieħor tkeċċew mill-AUM billi ntbagħtitilhom ittra li ma kellhiex raġunijiet fiha.
Il-kummissjoni qalet li hemm proċess rigoruż biex entità tikseb il-liċenzja li tgħallem, u fil-każ tal-AUM il-proċess ħa 14-il xahar u l-kundizzjonijiet li l-kummissjoni tat lill-AUM biex din tosserva kienu “eżawrijenti u jorbtuha ħafna”, kif deskritti mill-kummissjoni.
Fost l-oħrajn l-AUM trid tissottometti ruħha għal awditjar kull sena mill-Università ta’ Clemson, iċċekkjar minn tal-inqas darba fis-sena mingħand il-kummissjoni stess, li jista’ jiffoka fuq kwalunkwe aspett, awditjar tal-kwalità esterna fit-tieni u r-raba’ sena akkademika, approvazzjoni mill-kummissjoni tal-istaff kollu impjegat u s-sottomissjoni tal-Ftehim mal-Istudenti lill-istess kummissjoni.
L-NCFHE qalet li bil-liġi l-awditjar ma jistax isir qabel ma jgħaddi ċertu żmien, u rrimarkat li filwaqt li f’ħafna każijiet il-perjodu jkun 5 snin, fil-każ tal-AUM dal-perjodu tqassar ħafna, allura l-iskrutinju fuqha jista’ jsir ferm qabel ħaddieħor.
L-Università Amerikana ta’ Malta ilha topera uffiċjalment bħala tali minn Settembru tas-sena l-oħra, u l-kummissjoni qalet li din iċċarat magħha li l-għadd ta’ studenti u staff ieħor se jikber fuq medda ta’ snin.