Għall-ikla ta’ qabel il-Milied mar-Reġina Eliżabetta t-Tieni f’Buckingham Palace, Meghan Markle libset libsa ta’ €1,100 u brazzuletta ta’ €139,000. Min-naħa l-oħra l-libsa ta’ Kate Middleton, tiswa €339 u li ilha għandha seba’ snin. Dan qaluh osservaturi tal-familja rjali waqt intervista.
Meghan u Kate xorta qed iqattgħu l-Milied flimkien
Intant, minkejja x-xnigħat ta’ gwerra bierda bejn Meghan Markle u Kate Middleton, il-Prinċipessi xorta se jkollhom iqattgħu l-Milied flimkien. Huma jinsabu f’Norfolk mal-bqija tal-familja rjali.
Il-bijografu rjali Andrew Morton dan l-aħħar żvela li meta Kate ssir Reġina, Meghan se jkollha tagħmlilha nkin.
Ir-Reġina vvjaġġat lejn Sandringham bil-ferrovija nhar il-Ħamis li għadda. Il-protokoll irjali jitlob li dawk li għadhom friski fil-familja rjali jingħaqdu mar-Reġina aktar kmieni. Fil-fatt Meghan u Harry waslu qabel Kate u William u qabel il-Prinċep Charles u Camilla.
Breakfast in bed għan-nisa rjali
Ilbieraħ il-membri tal-familja rjali fetħu r-rigali li xtraw lil xulxin u dalgħodu bdew l-għodwa bil-fatra: In-nisa breakfast in bed, u l-irġiel jinżlu jieklu isfel flimkien. Imbagħad jimxu flimkien sal-Knisja ta’ Santa Marija Madalena u fis-1pm jinġabru madwar mejda għall-ikla tal-Milied. L-ikla tibda b’insalata tal-gambli segwita b’dundjan u pudina tal-Milied. Dritt wara r-Reġina tagħmel id-diskors tagħha.
Filgħaxija, kull membru tal-familja rjali jkollu l-okkażjoni li jitkellem b’mod individwali mar-Reġina.