“Xbajna nistaqsu humiex se jsiru l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika” – omm

Diversi studenti u ġenituri bħalissa jinsabu mħassbin dwar l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika fl-iskejjel tal-Gvern, peress li dawn m’għandhomx indikazzjoni jekk l-eżamijiet ta’ tmiem is-sena taż-żewġ suġġetti humiex se jsiru jew le, minkejja li l-eżamijiet jibdew f’inqas minn ġimagħtejn.

Dan peress li fil-bidu tas-sena skolastika, l-MUT ħarġet direttiva lill-għalliema taż-żewġ suġġetti sabiex dawn ma jkollhomx x’jaqsmu mal-eżamijiet, peress li dawn kienu qegħdin jitgħabbew b’xogħol żejjed. Fi Frar, l-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika saru xorta waħda, iżda l-karti tal-eżamijiet ma sarux mill-għalliema, u baqa’ misteru min għamilhom. Dan kien jidher mill-fatt li l-karti kienu differenti minn tas-soltu, billi pereżempju l-karta tal-Matematika ma inkludietx il-komponent li jinħadem mingħajr calculator, u l-karta tal-Malti ma kellhiex letteratura inkluża fiha, u kellha minflok żewġ eżerċizzji ta’ fehim it-test.

Omm li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt kienet imbaqbqa dwar dan il-fatt u qalet li dawk il-karti kienu “pastażata” u saru b'”copy u paste” minn karti oħra. L-istess omm insistiet li mhuwiex ġust fuq l-istudenti li fit-12 ta’ Ġunju jibdew l-eżamijiet, iżda għadhom ma jafux jekk hux se jkollhom eżami tal-Malti u tal-Matematika, u b’hekk, ma jafux jekk għandhomx iħejju ruħhom għal dawn iż-żewġ eżamijiet jew le.

Fil-każ tal-eżamijiet ta’ Frar, ma kien intqal xejn għax eventwalment kienu ħarġu r-riżultati, għalkemm il-ġenituri ma kinux infurmati min kien ikkoreġa l-karti tal-eżamijiet, peress li ma kinux l-għalliema. Ir-riżultati ħarġu online fuq iLearn, u mhux mill-iskejjel. L-omm staqsiet jekk din id-darba hux se jiġri l-istess, peress li l-istudenti kienu maħsudin meta poġġew għall-eżami u sabu karti differenti minn tas-soltu ma’ wiċċhom.

L-omm żiedet tgħid li hi taf li dan mhux ġej min-naħa tal-għalliema, iżda minkejja l-ħafna sforzi tal-ġenituri billi għamlu kuntatt mal-iskejjel, u anke mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, baqgħu bla tweġiba. Infurmat lil Newsbook.com.mt li meta ppruvat tikkuntattja lill-Ministeru, qalulha li lanqas huma ma jafu jekk l-eżamijiet humiex se jsiru.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ studenti nfushom li wrew l-inkwiet tagħhom, billi dan qed iżidilhom mal-istress tal-eżamijiet. Għalliema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li r-riedni f’dan il-każ mhux f’idejhom, u huma qegħdin jistennew li jisimgħu mingħand l-MUT.