“X’azzjoni se tittieħed kontra l-individwu li kien qed isawwat il-kelb?”

Il-każ li seħħ ilbieraħ fejn persuna rrapurtat raġel li kien qed isawwat il-kelb tiegħu f’gallarija, qajjem bosta reazzjonijiet hekk kif il-kelb issa ttieħed mingħand sidu.

Ħafna kienu dawk li wrew is-sodisfazzjon tagħhom għal mod kif l-awtoritajiet ħadu azzjoni mill-ewwel biex jieħdu l-kelb.

Moira Delia, il-preżentatriċi tal-programm Animal Diaries esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li l-awtoritajiet ħadu azzjoni immedjata. L-istess għall-attivista għad-drittijiet tal-annimali Alison Bezzina, li kompliet tqajjem kuxjenza fuq dan il-każ. Permezz tas-sit tagħha iwillnotgoaway hi kienet fost minn ta’ quddiem li ġabet dan il-każ għall-attenzjoni tal-pubbliku.

Iżda x’azzjonijiet se jkunu qed jittieħdu kontra l-individwu li kien qiegħed iwettaq l-abbuż fuq il-kelb li issa jinsab taħt il-ħarsien tad-dipartiment tal-Animal Welfare.

L-attriċi, awtriċi u produttriċi ta’ bosta sensiliet atd-drama Evelyn Saliba La Rosa diġà qed turi determinazzjoni li mhux se tieqaf tistaqsi u tagħmel pressjoni biex il-pubbliku jingħata sodisfazzjon u jkun jaf x’passi se tieħu l-awtorità fil-konfront tal-individu li kien qed isawwat il-kelb.

“Kif jista’ xi ħadd ikun daqshekk krudili? Meta se nitgħallmu li jekk kelb ittih l-imħabba dan se jtijhielek lura għal għaxar darbiet,” staqsiet hi waqt li esprimiet ir-rabja tagħha waqt li saħqet biex il-midja lokali żżomm lill-pubbliku aġġornat dwar x’passi se jkunu qed jittieħdu

“Nixtieq inkun naf kemm il-sena ħabs se jkun qed jingħata u x x’multa se jkun qed jeħel,” staqsiet hi.

Il-preżentatur u storiku Clifford Galea Vella Maslennikov semma’ wkoll leħnu u staqsa għaliex wieħed jispiċċa biex isawwat kelb.

“Mela veru l-umanità għandha ċerta ħdura fiha bla bażi? Jekk m’intx kapaċi taċċetta s-sagrifiċċju li jġib miegħu l-fatt li trabbi annimal, trabbieħx mill-ewwel jew forsi biex tkun bħal sħabek?” staqsa hu.

“Kull ħaġa ħajja għandha d-dritt tagħha li tgħix bla biża’, swat u tbatija bla bżonn. Imbagħad nimponuha aħna stess fuqhom meta ħajjitna stess mimlija tlugħ u nżul?” żied jgħid Clifford.

Tista’ ssegwi l-filmat li ttieħed waqt il-ħin li l-kelb kien qed jiġi msawwat permezz ta’ dan il-link.