Ix-Xatt l-Aħmar imfawwar bid-drenaġġ; il-PD jitlob azzjoni issa

Il-Partit Demokratiku talab biex tittieħed azzjoni immedjata dwar id-drenaġġ tal-baqar li qed ifur fix-Xatt l-Aħmar, Għawdex.
Qal li meta Malta daħlet fl-UE, kien hemm il-fondi biex fl-irziezet ikun hemm faċiltajiet biex il-ħmieġ tal-baqar jiġi ttrattat, u għalhekk ma joħloqx ħsarat meta jintrema direttament fil-kanen tad-drenaġġ komuni.
Iżda dawn il-fondi qatt ma intużaw, u l-PD qal li seba' snin ilu l-problemi f’das-sit kienu tqajmu, iżda ma sar xejn, bil-kawża li issa hem problema bid-drenaġġ, li qed ifur.
Barra minn hekk il-ħmieġ tal-baqar mhux jiġi ttrattat kif sippost.
Il-PD qal li investiga minn fuq il-post, u sab li t-tiben qed jitħallat mal-ħmieġ tal-baqar, u l-filtrijiet qed jiġu mblukkati. Dan ifisser li l-batterji li jibqgħu hemm ifixklu s-sistema tat-trattament.
Barra minn hekk, l-ilma suppost ittrattat qed jintefa’ fil-baħar minn pajpijiet bejn 80 u 100m bogħod, iżda l-kanen għandhom il-ħsara.
Il-PD qal li l-baħar jinxtamm riħa ta’ drenaġġ.
Temm jgħid li biex jitranġaw dawn il-kanen hemm bżonn madwar €100,000, u staqsa huwiex daqshekk impossibbli biex jinġiebu l-fondi mill-UE biex isir ix-xogħol.
Ix-Xatt l-Aħmar hu qrib Imġarr ix-Xini u Ta’ Ċenċ, postijiet ta’ valur ekoloġiku u turistiku.