“Xarrabni bil-petrol u prova jixgħel lighter ma’ sidri”

Omm żagħżugħa li ftit tal-ġimgħat ilu kienet vittma ta’ attentat ta’ ħruq, meta l-eks sieħeb t’oħtha allegatament ipprova jqabbadha bil-petrol tat ix-xhieda tagħha fil-Qorti.
Fix-xhieda tagħha f’kawża kontra raġel ta’ 26 sena akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-mara u raġel ta’ 21 sena akkużat b’kompliċità, hija rrakkontat kif prova jaħraqha meta xarrabha bil-petrol u prova jixgħel lighter ma’ sidirha.
Emozjonata l-mara rrakkontat li l-każ seħħ meta hi u żewġha kienu se jieħdu lil uliedhom il-bandli, wieħed ta’ tliet snin u l-ieħor ta’ 10. Spjegat li waqfu d-dar u żewġha flimkien mat-tifel ta’ tliet snin daħlu ġewwa. Waqt li kienet qed tistenna fil-karozza rat lill-akkużati għaddejin b’karozza u l-eks sieħeb t’oħtha kellu landa tal-petrol. Kompliet tgħid li l-eks sieħeb t’oħtha beda jixħet il-petrol fuq il-karozza u jgħajjat “issa qed tibża’ minni?”.
Qalet li huwa fetaħ il-bieba tal-karozza u ħasilha bil-petrol. Fortunatament binha laħaq ħarab. Hekk kif hi bdiet tgħajjat u tistaqsih għala qed jagħmel hekk huwa pprova jixgħel lighter ma’ sidirha iżda stqarret li b’xorti tajba jdejh kienu mxarbbin u ma setax jixgħel il-lighter.
Hija kompliet tgħid li b’xi mod irnexxielha toħroġ mill-karozza u marret tiġri lejn il-parapett tad-dar iżda l-akkużat baqa’ jiġri warajha u dawrilha katina b’katnazz m’għonqha. Stqarret li għafasha mal-ħajt u beda jagħfas il-katina m’għonqha.
Min-naħa tiegħu, żewġha xehed li meta sema’ l-għajjat ħareġ jiġri barra u sab li martu kienet qed tiġi aggredita. Qal li l-akkużat prova jagħtiha n-nar waqt li jżommha mal-ħajt. Żied jgħid li r-raġel beda jgħajjat “ħa noqtlok, ħa noqtlok! Mhux se nieqaf qabel noqtol lil xi ħadd minnkom.”
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud semgħet kif fil-passat seħħew għadd ta’ inċidenti bejn iż-żewġ familji, b’membri minnhom jiġru wara xulxin bil-karozzi, u ġlieda fil-bandli ta’ Ħaż-Żabbar.
Min-naħa tagħha d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel ta’ 21 sena għax argumentat li sehmu kien ħafna inqas minn tal-eks sieħeb t’oħt il-vittma.
Madankollu l-Prosekuzzjoni qalet li kien hemm diversi rapporti dwar iż-żewġ familji u ma setatx tibqa’ tittollera aktar rapporti taż-żewġ familji. Saħqet li t-tifel ta’ 10 snin għadu trawmatizzat u qed jistaqsi lil ommu jekk l-akkużati kinux se jerġgħu jmorru għalihom la joħorġu mill-ħabs.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien biex b'hekk iż-żewġ akkużati nżammu arrestati. Hija saħqet li meta l-pubbliku jisma' każijiet bħal dawn jibda jibża' joħroġ minn dahru.