Xarabank jitneħħa mill-istazzjon nazzjonali

Ritratt: Facebook/Xarabank

Mill-iskeda tal-ħarifa, fuq TVM mhux se jkun qed jirritona l-programm Xarabank li ilu għaddej għal dawn l-aħħar 23 sena l-Ġimgħa filgħaxija. Dan minkejja li skont l-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir, Xarabank baqa’ l-aktar programm segwit fuq l-istazzjon Nazzjonali u mill-istazzjonijiet l-oħra kollha, mill-programmi kollha, mill-ħinijiet kollha tal-ġurnata.

“Nikkonferma li l-PBS waqqaf Xarabank minn fuq l-Istazzjon Nazzjonali,” ħabbar illum Peppi Azzopardi li żied jikkummenta li l-programm qatt ma nstab ħati ta’ żbilanċ, ġabar miljuni ta’ ewro għal għaqdiet filantropiċi u rebaħ l-unuri u l-awards kollha tat-televiżjoni, fosthom l-award għall-aqwa programm ta’ ġrajjiet kurrenti, l-award għall-aqwa ġurnaliżmu investigattiv, l-award għall-aqwa scripts u features, l-award għall-aqwa filmati ġurnalistiċi minn barra l-pajjiż u l-award għall-aqwa programm ta’ diskussjoni.

Azzopardi rringrazzja lill-għexieren li ffurmaw parti mit-timijiet ta’ Xarabank, lill-mijiet ta’ nies li ġew jitkellmu fil-programm, u lill-eluf ta’ nies li matul is-snin baqgħu jsegwuh u għamluh l-aktar programm ta’ diskussjoni popolari fl-istorja ta’ Malta.

L-iskeda tal-ħarifa ta’ TVM se tkun qed tibda mit-Tnejn 28 ta’ Settembru.

Attakk fuq il-ġurnaliżmu ħieles – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-PBS li jwaqqaf il-programm Xarabank minn fuq l-istazzjon Nazzjonali hija waħda nkwetanti u jqisha bħala attakk ieħor fuq il-ġurnaliżmu ħieles u kontra l-libertà tal-espressjoni u tal-midja.

Il-PN qal li l-ġurnaliżmu ħieles f’soċjetà demokratika jaħdem billi wieħed għandu dritt li jkun kontroversjali u fejn hemm bżonn xokkanti sabiex il-poplu jkollu forum ta’ diskussjoni ħielsa u mingħajr ċensura.

Fl-istqarrija tiegħu l-PN qal li dak li qed jiġri fil-gżejjer Maltin jista’ jkun ta’ periklu reali għax-xandir li flok iservi lill-poplu kollu jsir strument ta’ propaganda partiġġjana favur l-istat.

Il-Partit Nazzjonalista wera solidarjetà ma’ Peppi Azzopardi, mat-tim kollu ta’ impjegati li jaħdmu biex jittella dan il-programm.