Xarabank jitlob lill-Kummissarju l-ġdid ikompli jinvestiga l-każ ta’ Ġiġa

It-tim ta’ Xarabank kiteb uffiċjalment lill-Kummissarju l-ġdid Ray Zammit biex tkompli l-investigazzjoni fuq il-każ ta’ Ġiġa u Leli Camilleri, li kienu nstabu ħatja bil-qtil ta’ Toninu Aquilina.
Il-preżentatur ta’ Xarabank, Peppi Azzopardi għamel dan l-appell biex issir ġustizzja, li fi kliemu għadha ma saritx f’dawn l-aħħar 50 sena.
Peppi Azzopardi sostna li meta Ray Zammit kien mistieden fil-programm Xarabank biex jiddiskuti dan il-każ, kien stqarr li jemmen li Ġiġa u Leli ma kienux ħatja.
Qal li għalhekk dan il-każ għandu jerġa’ jinfetaħ minnufih jew titħaddem proċedura alternattiva biex, jekk tkun ikkonfermata l-innoċenza tagħhom, jitnaddaf isimhom u tittaffa t-tbatija tal-familjari.
It-tim ta’ Xarabank jinsab lest li jgħaddi lill-Kummissarju kull informazzjoni li nġabret meta saret investigazzjoni fuq il-każ.