Xaqq ta’ dawl għall-istudenti tal-MCAST fi żmien ġimgħa?

Il-futur tas-sitwazzjoni fl-MCAST bħalissa jinsab inċert minkejja laqgħa li saret illum bejn l-Unjin Maltija għall-Għalliema (MUT) u l-MCAST fejn ġie deċiż li jissospendu l-azzjonijiet fis-seħħ filwaqt li skont l-istudenti s-sitwazzjoni sejra għall-agħar.
Illum saret laqgħa preseduta mid-Direttriċi tal-Impjieg u r-Relazzjonijiet Industrijali bejn in-naħa uffiċjali, magħmula mill-amministrazzjoni tal-MCAST u l-Industrial Relations Unit flimkien mal-MUT dwar pendenzi li kien hemm bejn il-partijiet dwar il-Ftehim Kollettiv tal-Akkademċi ġewwa l-MCAST. Wara l-laqgħa tħabbar li l-MUT issospendiet l-azzjonijiet fis-seħħ b’mod temporanju għall-perjodu ta’ ġimgħa. Skont stqarrija maħruġa mill-MCAST u mill-MUT, f'dan il-perjodu se jsiru laqgħat intensivi bejn il-partjiet bil-għan li jintlaħaq ftehim.
Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ studenta tal-MCAST li semmiet kif studenti f’istituti differenti qed jitħallew fl-għama mill-għalliema b’rabta mal-assignments tagħhom. Fissret kif il-lecturers mhux qed jiftħu l-programm imsejjaħ turnitin, li hu programm li jagħraf jekk kienx hemm ikkuppjar fix-xogħol tal-istudenti.
“Is-sitwazzjoni sejra għall-agħar” – Kunsill tal-Istudenti
Intant, il-President tal-Kunsill Studenti MCAST Ahmed Lamlum qal ma’ Newsbook.com.mt li s-sitwazzjoni sejra għall-agħar. Spjega kif studenti għandhom data sa meta jridu jissotomettu l-assignments tagħhom. Madanakollu, qal li dawn l-assignments għadhom ma ġewx assenjati mill-għalliema. Saħaq li l-istudenti qed jilmentaw ukoll dwar nuqqas ta’ komunikazzjoni bejnhom u l-għalliema.
“L-MCAST mhux iżommu mal-ftehim” – MUT
Sadanittant, f’risposta għall-editorjal tal-gazzetta The Malta Independent ilbieraħ, l-MUT allegat li l-editorjal inkluda fih naħa waħda biss tal-argument biex id-direttivi tagħha jidhru li saru b’mira diretta lejn l-istudenti.
L-Unjin li tirrappreżenta l-għalliema attakkat il-gazzetta u akkużata li falliet milli tirrapporta l-fatti.
L-MUT fakkret kif il-ftehim kollettiv bejn l-MCAST u l-MUT skada fl-2016. Skont l-MUT, l-MCAST ma żammitx mal-ħin li kellha biex tissottometti kontroproposta dwar il-finanzi fil-ftehim. L-MCAST imbagħad aċċettat l-istedina biex issir laqgħa mal-Unjin wara 12-il jum wara li tħabbret it-tilwima industrijali.
L-MUT żiedet tgħid li wara laqgħa li saret fl-14 ta’ Diċembru, l-MCAST ma żammx mal-ftehim li kien intlaħaq jumejn qabel.
Fi kliem l-MUT, hi qed tieħu l-ftehim li qed isir b’serjetà filwaqt li l-MCAST qed jibqgħu jsibu skużi biex ma jżommux mal-impenji tagħhom.
Il-Malta Independent qalet li bħal kull ħaddiem ieħor, l-għalliema għandhom id-dritt li jagħmlu strajk, però mhux għad-detriment tal-istudenti. Spjegat li f’xahrejn il-President tal-MUT Marco Bonnici, li ġie elett f’Ġunju, ħareġ theddida ta’ strajk darbtejn. Intqal li l-MUT kien messha għażlet direttivi li għandhom x’jaqsmu mal-amministrazzjoni mingħajr ma jżidu l-pressjoni għall-istudenti.
F’Diċembru li għadda, Newsbook.com.mt tkellem ma’ studenta fl-MCAST li spjegat kif minħabba l-azzjoni industrijali tal-għalliema, is-sitwazzjoni kurrenti qed thedded l-edukazzjoni tal-istudenti.
Ritratt: MCAST