Xanax: “Qed inbati ħafna għax out of stock”

Persuni dipendenti fuq il-pilloli Xanax qalu ma’ Newsbook.com.mt li qed ibatu ħafna għax ilhom ġimgħat sħaħ out of stock.
Il-pilloli Xanax, jiġu preskritti lil dawk li jbatu b’ansjetà u paniku, u l-problema tan-nuqqas tagħhom tkompli tiggrava għax m’hawnx pilloli oħra (bl-istess ingredjenti) li jistgħu jieħdu minflokhom.
Stqarrew li spiċċaw mingħajrhom u ma sabux jixtru, bil-konsegwenza li żdiditilhom l-ansjetà, minbarra rogħda, nuqqas ta’ konċentrazzjoni u problemi tal-irqad.
“Din is-sitwazzjoni qed iġġib il-kundizzjoni tiegħi agħar milli hi, għax qed insir aktar anzjuż bil-biża’ li meta jispiċċawli, se nispiċċa b’xejn”, qalet persuna oħra.
Rappreżentanta tal-aġent li jimporta dawn il-pilloli f’Malta ikkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-pilloli jinsabu out of stock, minħabba d-dewmien assoċjat ma’ żmien il-festi. Saħqet li dan mhux każ fejn inqabżet il-kwota tas-sena li jkollhom l-aġenti fuq il-pilloli.
Madanakollu fissret kif uħud minnhom, dawk tal-0.5mg mistennija jaslu din il-ġimgħa u jkunu fl-ispiżeriji fi ftit jiem.
Il-mistoqsijiet dwar din il-mediċina tqajmet ukoll fuq il-mezzi soċjali, fejn uħud bdew jistaqsu minn fejn jistgħu jixtruha. Dawk li wieġbu semmew li fadlilhom in stock Gerada Pharmacy fiż-Żejtun, Lourdes Pharmacy San Ġwann, Collis Williams tal-Belt Valletta, Victory Pharmacy fl-Isla u Browns ta' Ħal Qormi. Hu mifhum li dawn għandhom in stock ix-Xanax tal-0.25mg.