X’ammetta u x’ċaħad Keith Schembri

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Read in English.

Wara li l-Ħadd f’post fuq Facebook, Keith Schembri qal li wasal iż-żmien li t-Tnejn fil-Qorti joħroġ il-verità, Newsbook.com.mt eżamina x-xhieda tiegħu.

Newsbook.com.mt sab li dak li qal Schembri f’xi partijiet imeri dak li qal hu stess għal snin sħaħ u f’partijiet oħra jgiddeb dak li qed jgħidu diversi xhieda u persuni oħra.

Peress li kien hemm ħafna ċaħdiet minn Schembri ta’ dak li qalu nies oħra, il-Maġistrat Rachel Montebello f’xi ħin wissiet lil Schembri dwar il-konsegwenzi jekk jigdeb bil-ġurament u staqsiet b’mod li nħass ipotetiku, jekk dawk in-nies kollha li qed isemmi kinux qed jigdbu.

  • Waqt li għal diversi snin Schembri qal li ma kienx jaf li Yorgen Fenech huwa s-sid ta’ 17 Black, fil-Qorti ammetta li dak li kien jgħid mhux veru għax hu kien jaf li Fenech kien is-sid. Schembri jgħid ukoll li hu ma kienx jaf li l-accountant tiegħu kien kiteb li Schembri se jieħu somom kbar ta’ flus minn 17 Black.
  • Schembri kien qal li waqaf min-negozju meta laħaq Chief of Staff iżda issa ammetta li fetaħ kumpanija fil-Panama biex ‘il quddiem ikun jista’ jagħmel negozju ma’ Fenech.
  • L-Ispettur Zahra jgħid li t-Tabib Adrian Vella kkonferma mal-Pulizija li Schembri tah ittra għal Fenech. Schembri jgħid li mhux vera ta’ ittra lit-tabib Vella, li kien ukoll it-tabib kuranti ta’ Fenech.
  • Melvin Theuma qal li skont Fenech kien kellem lil Schembri dwar il-pleġġ għall-aħwa Degiorgio. Schembri qal li dan mhux veru.
  • Schembri qal li tal-MaltaToday kienu jafu li se jsir rejd biex jarrestaw lill-aħwa Degiorgio. L-editur Maniġerjali tal-MaltaToday qal li dan mhux veru.
  • Fenech qal li Schembri kellem lill-Imħallef Antonio Mizzi. Schembri qal li dan mhux veru.
  • Theuma qal li Fenech kien informa lil Schembri li kellu x’jaqsam mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Schembri jgħid li dan mhux veru.
  • Skont Schembri, Fenech qallu li Adrian Delia talbu l-flus biex ma jitlax David Casa fil-Parlament Ewropew. Skont Theuma, Fenech qal li kien hu li offra l-flus. Delia ħa ġurament li dan mhux veru. Anke Pierre Portelli ħa ġurament li hu ma ħax flus mingħand Fenech biex ma jitlax Casa. Dwar l-akkuża l-oħra li kien imur kull xahar jiġbor flus mingħand Fenech għall-PN, Portelli ħareġ stqarrija fejn ċaħad.
  • Schembri ammetta li kien ikun hemm politiċi u negozjanti għand Fenech. Semma biss lil Delia. Min kienu l-oħrajn ma qalx.
  • Schembri ċaħad li kien informa lil Fenech bid-data tal-arrest tal-aħwa Degiorgio.
  • Schembri ċaħad ukoll li ried jibgħat lil Kenneth Camilleri biex joqtol lil Melvin Theuma.
  • Fenech kien qal li Schembri kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li kien ta lil Fenech xi €75,000 f’basket tar-Reebok bħala parti mill-ħlas għad-delitt. Schembri jiċħad.