X’aktarx se jkun il-wiċċ ġdid ta’ 007

Rege-Jean-Page
Ritratt - Facebook: Rege-Jean-Page

L-ispekulazzjonijiet dwar min se jkun is-suċċessur tal-Aġent Sigriet 007 fil-films ta’ James Bond ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar sentejn hekk kif kien tħabbar li l-film No Time To Die se jkun l-aħħar wieħed għal attur Daniel Craig.

Dan il-film ilu li tlesta u kellu jinħareġ fiċ-ċinema f’April l għadda. Iżda minħabba fil-pandemija tal-COVID-19 il-film baqa’ ma nħariġx u hemm xnigħat li flok jinħareġ fiċ-ċinema, dan il-film jista’ jinxtara minn Netflix, Amazon jew xi pjattaforma diġitali oħra.

S’issa m’hemm ebda aħbar uffiċjali dwar kif dan il-film se jixxandar fuq skala internazjonali, iżda l-pjani biex il-films ta’ Bond ikomplu jinħadmu qegħdin hemm u bosta huma l-atturi li qed jiġu kkunsidrati għal din il-parti fosthom Jamie Bell, Michael Fassbender, Chris Hemsworth, Idris Elba u Tom Hardy.

Madanakollu s-suċċess fenomenali tas-sensiela Bridgerton fuq Netflix wasslet għal spekulazzjonijiet li l-produtturi tal-films ta’ Bond xeħtu għajnejhom fuq l-attur Regé-Jean Page li fis-sensiela interpreta lil Simon, id-Duka ta’ Hastings.

Ir-reazzjoni tal-pubbliku għall-aħbar li ħarġet fl-aħħar sigħat dwar il-possibilità li l-attur Ingliż ta’ 30 sena x’aktarx se jkun il-wiċċ ta’ James Bond jingħad li ntlaqgħat tajjeb b’ruxxmata ta; kummenti favorevoli fuq il-midja soċjali.