Aġġornata: Il-Moviment tal-Ħames Stilel fuq quddiem fl-elezzjoni Taljana

Il-Partit Ewro xettiku tal-Ħames Stilel kiseb il-maġġoranza tal-voti fl-elezzjoni ġenerali tal-Italja.
Skont is-sit tar-Rai, il-Moviment tal-Ħames Stilel kellu appoġġ qawwi min-Nofsinhar tal-pajjiż.
Ir-Rai qed jirrapporta wkoll li l-partit li kien fil-Gvern, il-partit Demokratiku falla peress li kiseb 20% tal-vot. Huma ġew fit-tieni post.
Il-Lega Nord kisbet madwar 18% tal-vot filwaqt li Forza Italia kiseb madwar 13.6% tal-vot.
Peress li l-Lega Nord jidher li kiseb persentaġġ akbar mill-Forza Italia, dan ifisser li l-Prim Ministru jintgħażel mill-Lega, u allura ma jkunx Berlusconi li jagħżel.
Skont projezzjonijiet elettorali mix-xandar statali Taljan, jidher li mhux se jkun hemm partit li jikseb maġġoranza. Skont il-BBC, il-poplu kien qed jappoġġja partiti tal-lemin u partiti populisti.
Peress li x’aktar l-ebda partit jikseb maġġoranza, l-iffurmar ta’ Gvern jista’ jinvolvi ġimgħat sħaħ ta’ negozjar u l-bini ta’ koalizzjonijiet.
Jista’ jagħti l-każ li tissejjaħ elezzjoni oħra biex joħroġ riżultat aktar ċar – madanakollu, mhemmx garanzija li dan jiġri.