X’aktarx il-President jaħtar Kap tal-Oppożizzjoni ġdid – MP tal-PN

PN

Read in English.

Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, li pprefera li jibqa’ anonimu, indika li l-pass loġiku li jmiss huwa li l-President jaħtar MP ieħor bħala Kap tal-Oppożizzjoni. L-istess MP qal li dan jista’ jiġri minn ħin għall-ieħor.

Dan wara li l-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari vvutaw kontra li Adrian Delia jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni, u li minkejja dan, Delia baqa’ konvint li m’għandux iwarrab.

Il-mozzjoni ta’ sfiduċja ġiet imressqa minn żewġ MPs: Chris Said u Therese Comodini Cachia. 19 ivvutaw kontra Delia, filwaqt li 11 kienu favurih.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Delia stqarr li filwaqt li jirrispetta l-pożizzjoni tal-MPs, huwa ġie elett kap tal-partit mit-tesserati. Żied jgħid li l-vot sar darbtejn u għalhekk l-intenzjoni tiegħu hi li jibqa’ l-Kap tal-PN sal-aħħar tal-leġiżlatura. “Jien m’iniex persuna li naqta’ qalbi” insista Delia waqt li semma diversi skandli ta’ korruzzjoni li bħalissa huma theddida għall-Gvern.

Newsbook.com.mt irċieva diversi reazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni kurrenti. L-eks editur u ġurnalist veteran Lawrence Grech irrimarka li Delia jidher li se jibqa’ jiġġieled sal-aħħar.

Żied jgħid li Delia hemm bżonn jirrealizza li l-vot tat-tesserati ma jgħoddx daqs il-vot tal-poplu, li huwa rifless fis-sondaġġi wieħed wara l-ieħor, li juri li Adrian Delia m’għandux il-fiduċja tal-poplu. Grech stqarr li bis-sitwazzjoni kurrenti tal-Gvern li jinsab mgħerreq fl-iskandli tal-korruzzjoni, l-Oppożizzjoni tista’ taħtaf l-opportunità u taħdem biex tattira n-nies. “Imma dan mhux qed isir. Ma tagħmilx sens li tmexxi l-Oppożizzjoni b’maġġoranza ta’ MPs li m’għandhomx fiduċja fik”, kompla jgħid Lawrence Grech.

Sors ieħor qal li f’dan il-mument, l-Eżekuttiv tal-Partit huwa rrelevanti. “L-agħar ħaġa li tista’ tiġri hi li l-President jaħtar Kap tal-Oppożizzjoni, waqt li l-partit jibqa’ f’idejn Delia bħala Kap. Hekk vera jinqasam il-partit”, qal l-MP li pprefera li ma jkunx ikkwotat.

Min-naħa l-oħra, sors ieħor li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal li jekk il-President jaħtar Kap ġdid tal-Oppożizzjoni, “hekk kif jidher li se jiġri”, min jintgħażel jista’ jkun katalista, punt ta’ referenza kemm għall-votanti kif ukoll għat-tesserati. Is-sors osserva li Delia kiseb fiduċja minn 67% tat-tesserati meta kien qed jikkontesta waħdu.