X’aktarx Mercieca kien f’kuntatt ma’ Fenech meta kien fl-uffiċċju tal-AĠ – Omtzigt

Read in English.

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qal li hemm indikazzjoni li l-avukat Charles Mercieca kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt li kien għadu qed jaħdem fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali.

Pieter Omtzigt qal dan f’ittra uffiċjali li bagħat lill-Avukat Ġenerali ta’ Malta u lil rappreżentanti oħra Maltin.

Omtizgt qal ukoll li jekk Mercieca għandu informazzjoni utli dwar l-assassinju taf issir ħsara rreparabbli lill-każ li ilhom tant jaħdmu fuqu l-awtoritajiet Maltin. Issemma li l-ħsara tista’ wkoll ma tkunx limitata għall-prosekuzzjoni ta’ Yorgen Fenech biss imma anke għal dik ta’ nies oħra li għadhom lanqas ġew arrestati.

Fl-ittra lill-Avukat Ġenerali ssemma’ wkoll li dan l-avukat Għawdxi żagħżugħ jaf wettaq reati kriminali. Dan apparti mill-potenzjal ta’ ksur ta’ etika professjonali.

Żvilupp disturbanti – Omtzigt

Omtzigt iddeskriva l-każ ta’ Charles Mercieca bħala disturbanti. Dan peress li Dr Mercieca rreżenja mill-kariga li kien jokkupa fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filgħaxija fil-5 ta’ Mejju. L-għada filgħodu deher il-Qorti jirrappreżenta lil Yorgen Fenech. Fenech bħalissa qed jiġi akkużat li kien kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista. Fenech jisħaq li mhux ħati.

Omtizgt qal li jħares ‘il quddiem li l-awtoritajiet Maltin jinvestigaw il-każ malajr.