Xahrejn insib approvati bħala parti minn riċerka

Il-Kumitat Ornis ivvota favur l-insib għall-għasafar tal-għana

insib
Arkivji

Il-Kumitat Ornis ivvota favur l-insib għall-għasafar tal-għana għal xahrejn kemm bi xbieki akbar minn dawk stabbiliti fil-liġi kif ukoll bl-użu ta’ recordings tat-tisfir biex jattiraw lill-għasafar. Dan se jsir fil-forma ta’ riċerka għas-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana kif propost mill-Gvern.

Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li fuq Facebook ippubblika l-ittra li rċieva mill-Kumitat Ornis. Fl-ittra l-Kumitat Ornis qal li l-perjodu ta’ riċerka skont il-parametri tan-notifika tad-deroga hu mill-20 ta’ Ottubru sal-20 ta’ Diċembru 2020. 

L-għaqda Birdlife mistennija li tiftaħ proċeduri fil-Qorti kontra din id-deċiżjoni
‘Absurd’ – government’s plan to challenge ruling on trapping, BirdLife says

Taħriġ u Eżami għan-nassaba

Newsbook.com.mt huwa infurmat li n-nassaba se jiġu mħarġa biex ikunu jistgħu jiffurmaw parti mir-riċerka li se ssir. Sorsi qalu li t-taħriġ se jsir fost in-nassaba reġistrati u se jsir ukoll eżamii għal dawk li se jipparteċipaw.

Is-sorsi qalu li t-taħriġ se jinvolvi kif in-nassaba se jonsbu u jeħilsu l-għasafar fosthom li jiktbu d-dettalji u jlibbsu ċrieket lill-għasafar li jkunu qabdu. L-għasafar li jinqabdu jridu jinħelsu immedjatament mill-istess post.

Sa issa ma hemmx kwota ta’ kemm-il għasfur jista’ jinqabad f’dawn ix-xahrejn ta’ nsib.

Dak li ġie maqbul mill-Kumitat Ornis

Fl-ittra ntqal kif ħames membri tal-kumitat Ornis ivvutaw favur, Birdlife Malta ivvutat kontra, filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA astjeniet minħabba cross-reference bejn il-qafas legali propost u r-regolamenti dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Qalet li dawn iridu jiġu diskussi f’aktar dettal fil-jiem li ġejjin.

Il-Kumitat Ornis qal li waqt l-istess seduta, il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK għamlet talba biex fil-qafas legali ikunu permessi xbiki ta’ 38 metri kwadri minflok ta’ 20 metri kwadri. L-FKNK talbet ukoll biex ikun permess l-użu tat-tisfir irrekordjat minn qabel tal-għasafar tal-għana f’forma ta’ cassettes.

Dwar dawn iż-żewġ talbiet il-Kumitat Ornis ukoll ivvota favur  – ħames membri tal-kumitat ivvutaw favur, Birdlife Malta astjeniet fuq ix-xbikien u ivvutat kontra fuq l-użu tat-tisfir irrekordjat, u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA astjeniet fiż-żewġ talbiet.

Il-kumitat talab ukoll biex ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika li mistenni jintemm fil-15 ta’ Settembru jiġi diskuss fil-laqgħa li jmiss tal-kumitat.