Awdjo: Xahrejn ilu suppost bit-tinda…imma għadhom fix-xemx

Iż-żwiemel bil-karozzin għadhom mingħajr tinda f’Buġibba. Dan minkejja li xahrejn ilu, id-Direttur tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, Joseph John Vella, qal ma’ Newsbook.com.mt li sal-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju kellu jsir xelter qrib il-pont ta’ Buġibba.
Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Raymond Tabone qal ma’ Newsbook.com.mt li ma jeżistux tined għaż-żwiemel u l-kuċċiera li jkunu bil-karozzin fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u anke l-Qawra.
Dwar il-ħmieġ tal-annimali, Tabone saħaq li mhux biżżejjed li ssir sorveljanza, imma hemm bżonn sistema imqabbda mad-drenaġġ, biex jintrema’ l-ħmieġ fiha, minflok fil-bajja.
Raymond Tabone kien qed iwieġeb għal għadd ta’ ilmenti ta’ residenti minn San Pawl il-Baħar mibgħuta lil Newsbook.com.mt, fost l-oħrajn dwar ħmieġ ta’ klieb u ż-żwiemel fit-toroq ta’ Buġibba u l-Qawra.
Il-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar ingħata servizz ta’ green wardens għal erba’ sigħat fix-xahar.