“Xahar wara Simon Busuttil għadu ma ppubblikax il-fatturi” – Owen Bonnici

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li xahar wara li ħareġ il-każ tal-Partit Nazzjonalista u l-Grupp db, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għadu ma ppubblikax il-fatturi li sejħilhom foloz.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Bonnici qal li fin-nuqqas tal-pubblikazzjoni tal-fatturi qed iqumu suspetti kbar, hekk kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Gino Cauchi qal li biex jgħatti l-fatti li qed jitlob l-imprendidturi jħallsulu l-pagi, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħoloq sistema ta’ fatturi foloz, sabiex dawn id-donazzjonijiet jidhru daqs li kieku huma sempliċi transazzjoni kummerċjali.
Gino Cauchi qal li dan ix-xahar kien xahar sħiħ ta’ ġideb, falsità u ħabi tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
"Il-PL hu l-uniku partit li qed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti"
B'reazzjoni l-Partit Nazzjonalista qal li sena wara li ġie żvelat l-iskandlu tal-Panama Papers, il-Ministru Konrad Mizzi għad għandu l-kumpanija fil-Panama miftuħa. 
Qal li bħaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, Mizzi fettaħha biex ipoġġi miljun ewro fis-sena li ġejjin mill-commissions.
Saħaq li minflok jivvinta u jigdeb, Owen Bonnici għandu jwieġeb dwar il-fatt li l-PL hu l-unika partit politiku li qed jikser il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.