Xahar qabel suppost jiftħu l-iskejjel, il-Gvern għadu mhux preparat – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Ministeru għall-Edukazzjoni li xahar qabel suppost jerġgħu jiftħu l-iskejjel, għadu mhux preparat, minkejja li kien jaf li għandu jipprepara aktar minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, ingħad li jekk f’Marzu, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kellu skuża jgħid li ma kienx ippreprarat għaliex ħadd ma kien jobsor li se tfaqqa’ pandemija, illum, “dik l-iskuża m’għadhiex valida għax l-esperti ilhom xhur jgħidu li din mhix se tkun sena normali.”

Il-PN ikkwota lill-UNICEF u lid-Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni jgħidu li l-iskejjel jeħtieġu ppjanar bil-galbu din is-sena, u qal li l-Ministru ma semax mill-esperti. Sostna li llum, inqas minn xahar qabel il-ftuħ tas-sena skolastika, il-Ministeru għadu lanqas ippreżenta abbozz ta’ linji gwida għad-diskussjoni.

Ilbieraħ, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li l-linji gwida għall-iskejjel minħabba l-pandemija tal-COVID-19 se jkunu ppubblikati sa nhar il-Ġimgħa li ġej sabiex imbagħad jiġu diskussi mal-istakeholders.

L-Oppożizzjoni sostniet li f’ċirkostanzi ta’ pandemija, il-ftuħ tal-iskejjel jeħtieġ ħafna aktar ippjanar minn ċirkostanzi normali. Akkużat lill-Ministru li ta aġġornament fuq il-linji gwida wara li ġie kkritikat li m’ghandu xejn lest. L-Unjin tal-Għalliema (MUT) iddikjarat li ma kienet taf b’xejn dwar abbozz finalizzat ta’ linji gwida minkejja li qiegħda f’working group imwaqqaf mill-Ministeru sabiex jippjana l-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru li ġej.

Reazzjonijiet għall-aħbar tal-Ministru
‘Biex jiftħu l-iskejjel irid jonqos l-R-factor’ – ISA

L-Oppożizzjoni appellat lill-Ministru biex jimxi bil-galbu, bi pjan, bi djalogu u bil-pariri tal-esperti fuq suġġett hekk delikat.