Xahar ċans għal meter tad-dawl, inkella jiffaċċjaw konsegwenzi

Is-sidien tal-boathouses fl-Armier u fil-Bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala għandhom xahar ċans biex japplikaw għal meters tad-dawl, inkella jiffaċċjaw konsegwenzi.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal dan ftit wara li l-Enemalta ħarġet stqarrija biex tħabbar il-kundizzjonijiet marbuta mal-applikazzjonijiet li qed tirċievi bejn illum u l-20 ta’ Novembru.
Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern irid jagħti l-opportunità lil dawk "b’mijiet ta’ postijiet li ilhom 25 sena jieħdu d-dawl mhux b’mod regolari".
L-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu fil-bini ta’ ARMS Ltd fi Blata l-Bajda.
Mal-applikazzjonijiet, wieħed irid iħallas €460 miżata u depożitu ta’ €1,000 li jingħata biss meta jitwaqqaf is-servizz. Kull sena, l-applikant irid iġedded is-servizz bi ħlas ta’ miżata oħra ta’ €230 fis-sena u ma jridx ikollu kontijiet pendenti.
L-Enemalta qalet li jekk is-servizz ma jiġix imġedded, jew jekk l-applikant jinqabad f’xi irregolarità b’rabta mal-elettriku, is-servizz jinqata’ mill-ewwel.
Spjegat ukoll li r-rata tal-elettriku se tkun dik domestika, li hi ftit ogħla minn dik residenzjali imma orħos minn dik kummerċjali.
Il-korporazzjoni sostniet li l-provvista tal-elettriku ma tagħti ebda dritt lill-applikant għal xi titlu fuq il-propjetà. Qalet ukoll li l-kumpanija ARMS mhix se taċċetta applikazzjonijiet mingħand klijenti li għandhom djun pendenti fuq kontijiet tad-dawl u tal-ilma.
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjentali tal-Knisja f'Malta, ix-xahar li għadda, ikkundannat id-deċiżjoni tal-Enemalta li tinstalla meters tad-dawl fil-kmamar fl-Armier għaliex, sostniet, li din l-azzjoni tista' trendi dawn il-kmamar bħala legali. 
Ftit jiem wara, Newsbook.com.mt ħabbar li l-Gvern kien qiegħed jikkunsidra li joħroġ permessi għall-kmamar illegali fil-bajja ta' San Tumas.