X1: Il-ħolma kerha ta’ kull student

F’Novembru li l-għadda l-għaqda studenteska GUG li tirrappreżenta l-istudenti Għawdxin iltaqgħet mal-Ministru għat-Trasport Dr Ian Borg biex tiddiskuti l-isfida tat-trasport pubbliku li l-istudenit Għawdxin jaffaċċjaw wiċċhom magħha.
Ħames xhur wara, fi stqarrija, GUG qed issostni li l-ilmenti tal-istudenti Għawdxin waqgħu fuq widnejn torox.
L-Għaqda sostniet li wara din il-laqgħa wettqet sondaġġ dwar dawn l-isfidi fost l-istudenti Għawdxin u bgħatet ir-riżultati tiegħu lill-Ministeru għat-Trasport, fosthom ilmenti dwar ix-xelter tal-linja li hemm fiċ-Ċirkewwa, li skonthom hu estetikament sabieħ imma mhux prattiku għal ilqugħ mill-elementi.
Fi stqarrija l-Għaqda qalet li waqt li kienet qed twettaq din ir-riċerka saret taf li ma kienetx l-ewwel darba li saret riċerka ta’ dan it-tip fost l-istudenti u li fil-passat saru diversi lmenti mal-kumpanija tat-trasport, madanakollu dawn dejjem irċevew biss imejl lura li l-ilmenti tagħhom ġew innutati.
GUG qalet li wara li tkellmet mal-istudenit qed tipproponi numru ta’ proposti u ideat li huma stess talbu fil-passat, fosthom biex:

  1. Ir-rotta tal-linja X1A, li topera rotta mill-Imsida saċ-Ċirkewwa u li bħalissa tgħaddi biss kull nhar ta’ Ġimgħa, għandha tibda topera b’ħinijiet aktar frekwenti u aktar ġranet.
  2. Ir-rotta tal-linja X1 bħalissa tibda mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u tispiċċa ċ-Ċirkewwa. Riżultat ta’ dan ħafna passiġġieri jkollhom il-bagalji magħhom li jieħdu l-ispazju fuq tal-linja. GUG qed tipproponi biex isiru xkaffef apposta f’tal-linja għal bagalji.
  3. GUG qed tipproponi biex minflok vettura waħda jitilqu tnejn fl-istess ħin għar-rotta tal-X1 mill-ajruport. Dan biex jiżdied l-ammont ta’ nies li jkunu jistgħu jinqdew u jaslu f’ħinijiet l-aktar frekwentati hekk kif bħalissa ħafna nies qed jibqgħu l-art għax tal-linja tkun mimlija.