X’tista’ tagħmel biex torqod aħjar bil-lejl?

Wieħed mill-aktar tip ta’ eżerċizzji benefiċċjali għall-bnedmin huwa propju l-mixi. Tant, li bosta universitajiet minn madwar id-dinja kollha studjaw il-benefiċċji tiegħu u sabu li jista’ jgħinek torqod aħjar bil-lejl. 
Skont studju mill-Università tal-istat ta’ Oregon fl-Amerka, 30 minuta mixi fuq ħamest ijiem jistgħu jgħinuk torqod aktar faċilment. Dan ħareġ minn riċerka li wriet li studenti fl-Università stess li jimxu kuljum kienu jorqdu aħjar bil-lejl u jkunu aktar fuq tagħhom matul il-ġurnata.
Il-mixi għandu għadd kbir ta’ benefiċċji
Minkejja li bil-mixi mhux ħa jibda jonqos il-piż immedjatament, huwa effetiv ħafna għas-saħħa tal-bniedem.
Skont professjonisti internazzjonali tas-saħħa, il-mixi mhux talli huwa tajjeb għal persuni ta’ kull età, iżda jagħmel tajjeb għall-qalb, għar-ras u anke għall-kartiera.
Skont rapport riċenti minn Ramblers and Macmillian Cancer Support li jismu Walking Works, il-mixi regolari, jiġifieri 150 minuta fil-ġimgħa ta’ mixi, issalva ħajjet 37,000 ruħ fis-sena.
Ir-rapport juri li l-mixi jista’ jwassal għal 300,000 anqas każijiet ta’ dijabete tat-tieni tip.
Saħansitra hemm min jgħid li f’ċerti każijiet, il-mixi huwa ferm aktar effettiv mill-ġiri. Infatti, xjentisti minn Lawrence Berkeley National Laboratory f’California sabu li l-mixi mgħaġġel inaqqas ir-riskju tal-mard tal-qalb aktar mill-ġiri. 
Dan ħareġ wara li osservaw parteċipanti bejn it-18 u t-80 sena fuq perjodu ta’ 6 snin, fejn sabu li r-riskju tal-mard tal-qalb naqas b’9.3% bil-mixi, filwaqt li bil-ġiri naqas b’4.5%.