“X’tippretendu? Li jgħumuha sal-Università?”

Il-Bicycling Advocacy Group (BAG) talab għal darb’oħra li l-passaġġ ta’ taħt il-mina tal-iskatepark isirulu x-xogħlijiet neċessarji biex ma jibqax jegħreq fl-ilma meta tagħmel ix-xita.
Il-grupp li jaqbeż għad-drittijiet ta’ min juża mod alternattiv biex jivvjaġġa wera fi stqarrija ritratt meħud ilbieraħ, fl-ewwel jum tal-Università, li juri kif hu impossibbli li tgħaddi minn dal-passaġġ b’rota jew bil-mixi.
Hawnhekk il-BAG staqsa l-awtoritajiet jippretendux li l-istudenti jgħumuha sal-Università.
Żied jgħid ukoll li anki l-ħġieġ tal-aperturi fil-passaġġ jidher li nfaqgħu minħabba l-maltemp, u dan ikompli jżid mal-perikli li joffri meta tinqala’ x-xita.
Il-grupp temm jgħid li t-tiswijiet jistgħu faċilment isiru fis-sajf, u mhux kull darba nistennew l-ewwel xita biex ninabdu fuq sieq waħda.
Il-passaġġ ta’ taħt l-iskatepark tal-Qroqq jintuża minn mijiet ta’ studenti universitarji kuljum sabiex jevitaw li jaqsmu mit-triq li tkun traffikuża l-ħin kollu.