X’tippreferi: Android Box jew satellita?

19% tal-Maltin li huma abbonati għal servizzi tat-televiżjoni offruti minn wieħed mill-operaturi lokali li qalu li għandhom kaxxa IPTV-Android, filwaqt li 6% li bħalissa huma abbonati ma’ operatur lokali għandhom intenzjoni li jakkwistaw kaxxa IPTV-Android fis-sitt xhur li ġejjin.f
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) li twettaq bejn Novembru u Diċembru 2017, dwar is-servizzi tax-xandir u t-televiżjoni, fost konsumaturi residenzjali. 
Skont l-istħarriġ 3% biss tal-Maltin għandhom aċċess għal servizz tat-televiżjoni bis-satellita.
Żdiedu s-settijiet tat-televiżjoni fid-djar
‘Il fuq minn 99% tal-familji Maltin għandhom sett tat-televiżjoni wieħed jew aktar fir-residenza tagħhom. 
Kważi 50% ta’ dawn il-familji għandhom żewġ settijiet tat-televiżjoni fir-residenza tagħhom, filwaqt li 24% għandhom tliet settijiet tat-televiżjoni jew aktar. 
Mill-istħarriġ joħroġ ukoll li 67% tar-residenzi Maltin għandhom tal-inqas sett wieħed ta’ televiżjoni HD. 
Żieda fl-abbonamenti għal servizzi tat-televiżjoni imma użu inqas ta’ ‘free-to-air’
L-istħarriġ juri li kien hemm żieda fin-numru ta’ abbonamenti għas-servizzi tat-televiżjoni bi ħlas, kif ukoll persentaġġ ogħla ta’ abbonamenti għal servizzi mixtrija f’bundle.  67% tal-parteċipanti fl-istħarriġ qalu li jixtru s-servizz ewlieni tat-televiżjoni tagħhom f’bundle. 
Mill-banda l-oħra l-persentaġġ ta’ dawk li jużaw is-servizzi ‘free-to-air’ naqas minn 4% fl-2015 għal 1% fl-2017. 
Numru mdaqqas ta’ dawk li jużaw il-‘free-to-air’ qalu li beħsiebhom jabbonaw fi żmien sena, għal servizz tat-televiżjoni offrut minn wieħed mill-operaturi lokali.
Livell ta’ sodisfazzjon bil-kwalità tas-servizz
56% tal-parteċipanti li huma abbonati għal servizz bi ħlas ma’ wieħed mill-operaturi lokali, qalu li huma sodisfatti, filwaqt li 23% qalu li huma sodisfatti ħafna, bil-kwalità tas-servizz offrut. 
Mill-istħarriġ ħareġ li madwar 79% tal-parteċipanti huma kuntenti bil-kwalità tas-servizz attwali, meta mqabbel ma’ 77% li wieġbu bl-istess mod fl-2015. 
Dawk il-parteċipanti li qalu li mhumiex kuntenti bil-kwalità tas-servizz semmew il-qtugħ regolari tas-servizz bħala r-raġuni ewlenija għad-diżappunt tagħhom.
Nuqqas ta’ għarfien fuq l-ispiża ta’ kull xahar u l-prezzijiet tal-operaturi
Minkejja li bosta parteċipanti indikaw il-prezz bħala fattur ewlieni li jaffettwa liema prodott jagħżlu, 45% tal- parteċipanti qalu li ma jafux kemm jonfqu fix-xahar fuq is-servizz mixtri. 
Dawk li qalu li ma jafux kemm hija l- ispiża, qalu li jsibuha diffiċli jkunu jafu dan l-aktar meta s-servizz jinxtara f’bundle. Nofs dawk li wieġbu li jafu kemm jonfqu fix-xahar, indikaw li l-ispiża hija waħda raġjonevoli.
L-Internet TV mhux meqjus bħala sostitut għal servizz tat-televiżjoni lokali
Huma biss 34% tal-parteċipanti li qalu li jużaw l-Internet TV bħal Netflix. 
Dan juri nuqqas ta’ 19-il punt perċentwali meta mqabbel mal-istħarriġ li sar fl-2015. 
​Skont l-istħarriġ wieħed minn kull għaxar persuni jqis l-Internet TV bħala sostitut aċċettabbli għal servizz tat-televiżjoni offrut minn operaturi lokali.